'Edward Scicluna qed jibqa' jħammar wiċċ Malta' - Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jerġa' jitlob għar-riżenja tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna
More in Politika
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jerġa' jitlob għar-riżenja tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia reġa' talab għar-riżenja tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u saħaq li aktar ma jdum ma jirriżenja aktar se jibqa' jħammar wiċċ Malta.
Huwa qal dan fid-dawl tar-rapport ippubblikat il-ġimgħa li għaddiet, mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u li fih akkużat lill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) li kisret id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus fis-superviżjoni tagħha tal-Bank Pilatus.
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Scicluna għandu jerfa' r-responsabbilità politika għax fi kliemu jekk ma jagħmilx hekk, se jkun qed ikompli jimmina r-reputazzjoni tas-settur finanzjarja.
Kompla jgħid li minflok irriżenja, il-Ministru Scicluna tefa' t-tort fuq il-Partit Nazzjonalista u fuq David Casa għar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea.
"Il-Ministru Scicluna qed jgħid fi pjaneta differenti," kompla jinsisti l-Kap tal-Oppożizzjoni. "F'pajjiż normali," meta awtorità tagħti ġudizzju r-responsabbilità politika tintrefa' minnufih."
Fost affarijiet oħra, l-Awtorità Bankarja Ewropea kienet qalet li kien hemm diversi nuqqasijiet fil-proċeduri użati u nuqqasijiet oħra meta ddeċidiet li ma timponi l-ebda sanzjoni fuq il-bank Pilatus wara li lestiet is-superviżjoni tagħha. Saħqet li dawn in-nuqqasijiet huma "sistematiċi."
Intant, il-gazzetta ILLUM żvelat kif il-Bank Ċentrali Ewropew se jkun qed joqgħod fuq ir-rapport tal-FIAU (li dwaru ngħata ġudizzju mill-Awtorità Bankarja Ewropea) biex jiddeċiedi jekk jirrevokawx il-liċenzja tal-Bank Pilatus.