NGO tisħaq li Malta għandha tkun ordnata tilqa' 40 immigrant

Watch The Med - Alarmphone qed takkuża lil Malta li qed tonqos mill-obbligi tagħha meta qed tibqa' ma taċċettax il-bastiment Sarost V

Wieħed mill-immigranti salvat mis-Sarost V
Wieħed mill-immigranti salvat mis-Sarost V

L-NGO Watch The Med - Alarmphone qed tibda tinsisti mal-Gvern Malti biex jiftaħ il-portijiet tiegħu u jilqa' l-bastiment Sarost V li ilu aktar minn ġimgħa bejn sema u ilma jfittex port biex fih idaħħal l-40 immigrant li għandu abbord.

L-Għaqda saħansitra qed titlob liċ-Ċentru għall-Koordinament tas-Salvataġġ biex tordna li l-immigranti jitniżżlu f'Malta.

L-NGO qed tisħaq li d-dgħajsa bl-immigranti kienet tinsab fiż-żona ta' Tfittxija u Salvataġġ (SAR) Maltija meta l-immigranti ġew salvati u saħansitra qed takkuża lill-awtoritajiet Maltin li wara li ordnaw is-salvataġġ, ma ħallewx lill-immigranti jidħlu fil-pajjiż, tant li l-immigranti kellhom jingħataw kenn fuq rig taż-żejt.

Minn dakinhar l-immigranti ma tħallewx jfittxu l-ażil la f'Malta u lanqas fl-Italja u lanqas ma tħallew jidħlu fil-portijiet Tuneżini.

Il-Grupp WatchtheMed Alarm Phone qed jinsisti li dawn in-nies jittieħdu fl-ewwel port sigur fl-Ewropa, u kien għalhekk li qed takkuża lil Malta li qed tonqos mir-resposabbilitajiet u l-obbligi tagħha.

Il-Gvern jirreaġixxi....

Intant fi stqarrija l-Gvern ċaħad illi qed jikser xi regoli internazzjonali meta iddirezzjona lill-immigranti lejn it-Tuneżija. "Il-konvenzjonijiet jistipulaw illi l-iżbark għandu jsir fl-eqreb port sigur, f'dan il-każ it-Tuneżija li jissodisfa dak li għandu jkun port sigur."

Biex inkunu ċari, l-awtoritajiet Maltin sostnew illi l-immigranti inizjalment irrifjutaw li jkjunu salvati sakemm ma jittieħdux f'port Ewropew, minkejja r-regoli internazzjonali. Sitwazzjoni bħal din kienet tkun illegali u kienet toħloq preċedent, sostna l-Gvern

 

More in Politika