Illum, Alex Saliba tefa’ n-nomina tiegħu biex jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019. In-nomina tiegħu kienet appoġġjata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona u l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u bosta persuni oħrajn ħeġġew lil Saliba biex jikkontesta għal dawn l-elezzjonijiet f’isem il-Partit Laburista, li tant ħadem fl-istrutturi tiegħu fis-snin formattivi tiegħu.
Alex Saliba twieled fil-31 ta’ Jannar, 1988. Huwa avukat u huwa l-Kap tas-Segretarjat tal-UE fl-uffiċċju tal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs. Huwa wkoll membru tal-Kumitat Eżekuttiv Nazzjonali tal-PL wara li ġie elett bl-akbar għadd ta’ voti mill-kandidati kollha f’April li għadda. Bejn l-2014 u l-2017 huwa kien konsulent legali fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, u ħadem fil-leġiżlazzjonijiet fl-oqsma li jaqgħu fi ħdan dan il-Ministeru. Saliba serva wkoll bħala President u Segretarju Ġenerali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti bejn l-2006 u l-2017, u bħala Segretarju Ġenerali fl-organizzazzjoni tal-istudenti, il-Pulse.
Alex se jiżżewweġ lis-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Sarah Agius, f’Ottubru ta’ din is-sena.