Opinjoni | Tkabbir ekonomiku
L-iktar ħaġa impressjonanti hi li meta nitfgħu l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea wieħed wara l-ieħor fi klassifika tat-tkabbir ekonomiku, Malta hija fost ta' quddiemnett f'din il-lista t-tieni biss bi ftit wara l-Irlanda
minn Owen Bonnici
Wieħed mill-iktar affarijiet kruċjali li kull Gvern għandu jfittex li jwettaq hu t-tkabbir ekonomiku.
Ma jistax ikollok ġid fil-pajjiż jekk ma jkollokx ekonomija li tikber u li toħloq minnha nnifisha x-xogħol. It-tkabbir ekonomiku hu l-iktar ħaġa li Gvern għandu jfittex li jwettaq. Għaliex biex tqassam il-ġid b'ġustizzja l-ewwel trid tfittex li toħolqu. U dan hu Gvern li se jibqa' mmarkat bħala l-Gvern tas-suċċess u tkabbir ekonomiku.
Il-futur huwa pożittiv
Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm ħarġet rapport dwar kif hi taħseb li se tmur l-ekonomija fiż-żmien li ġej. Dak li jgħidulu t-tbassir.
Wara tkabbir ekonomiku ta’ 6.4% matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jibqa’ wieħed b’saħħtu matul ix-xhur li ġejjin.
Fl-aħħar analiżi tagħha tal-ekonomija Maltija, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tkompli toħloq aktar impjiegi wara li pajjiżna rreġistrata rekord fit-tnaqqis tal-qgħad u żieda fis-suq tax-xogħol.
Qalet li dan kien riżultat ukoll taż-żieda fil-ħaddiema barranin u żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Żiedet tgħid li l-Prodott Domestiku ta’ Malta mistenni jiżdied għal 5.4% matul din is-sena, u 5% matul is-sena d-dieħla.
Il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-investiment mistenni jirkupra b’mod b’saħħtu matul is-sena d-dieħla bis-saħħa ta’ proġetti fil-qasam tas-saħħa, it-teknoloġija u setturi tat-telekomunikazzjoni.
Naqbżu l-aspettattivi
L-iktar ħaġa impressjonanti hi li meta nitfgħu l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea wieħed wara l-ieħor fi klassifika tat-tkabbir ekonomiku, Malta hija fost ta' quddiemnett f'din il-lista t-tieni biss bi ftit wara l-Irlanda.
Din hi xi ħaġa meraviljuża hekk kif għal darb’oħra pajjiżna qiegħed jikseb riżultati ferm aqwa u iktar b'saħħithom milli kienu qegħdin ibassru xi wħud. Għamlu żmien il-membri tal-Partit Nazzjonalista jgħidu li kif nitilgħu fil-Gvern konna se mmorru nittalbu għal bailout. Illum mhux talli m'għadhomx isemmu l-bailout talli fejn tidħol l-ekonomija, l-Oppożizzjoni hi assenti b'mod komplet.
U bir-raġun għaliex x'tista' tikkritika f' dawn il-figuri u riżultati tant sbieħ? Anzi, nazzarda ngħid li l-ikbar kritika u l-iktar kritika kostruttiva kultant jagħmilha l-Prim Ministru Joseph Muscat stess. Għaliex hu ma jiddejjaqx jgħid l-affarijiet kif inhuma u jekk qed jara xejra ekonomika li skont hu teħtieġ korrezzjoni jew teħtieġ xi forma ta' azzjoni, hu ma jiddejjaq xejn jgħid hekk u jieħu d-deċiżjonijiet opportuni. Ħafna minn dawn it-temi jkunu dwar l-immaniġġjar tas-suċċess, jew aħjar kif naċċertaw irwieħna li dan is-suċċess ekonomiku jkun immassimizzat fil-potenzjal tiegħu u fl-isfidi li bla dubju ta' xejn iġib.
Fl-Ewropa
La semmejna l-Ewropa, irrid insemmi l-laqgħa li kelli dawn il-jumejn fl-Olanda u fl-Awstrija.
Fl-Olanda tlajt f'reġjun li jismu Fryslan (aħna l-Maltin nafuh l-iktar bis-saħħa tal-prodott tal-ħalib Frisian Flag) biex inżur raħal jismu Leeuwarden u niltaqa' kemm mar-rappreżentanti politiċi ta' dan ir-reġjun u kif ukoll ma' numru ta' ġurnalisti u artisti li kellhom xi domandi x'jagħmluli dwar is-saltna tad-dritt f'Malta u kwistjonijiet marbuta mal-Valletta 2018.
Mar-rappreżentanti politiċi morna tajjeb ħafna u rrijaffermajna r-rabta b'saħħitha li hemm mhux biss bejn Malta u l-Olanda imma anke bejn Malta u dan ir-reġjun tant sabiħ. Tkellimna sieħbi Deo Debattista u jien mal-Kummissarju tar-Re għar-Reġjun Arno Brok dwar diversi temi - mil–lingwa sa l-esportazzjoni tal-patata. M'għandix dubju li din il-laqgħa serviet biex insaħħu r-rabta li hemm.
Iltqajt ukoll ma' numru ta' ġurnalisti u artisti li xtaqu jitkellmu dwar is-saltna tad-dritt f'Malta u l-Valletta 2018. Id-diskussjoni kienet miftuħa, kostruttiva u, tneħħi xi kummenti singoli, rispettuża. Tkellimt dwar x'għamel u x'qed jagħmel il-pajjiż biex isolvi l-każ tal-omiċidju barbaru ta' Daphne Caruana Galizia, dwar il-libertà tal-espressjoni u x'għamilna aħna biex insaħħuha u x-xogħol brillanti ta' Valletta 2018.
Inkun qed nigdeb jekk ngħid li wara l-laqgħa kulħadd spiċċa jaqbel fuq kull punt u virgola fuq kollox, però qas hu minnu l-impressjoni li ngħatat f'ċertu rapportaġġ li l-laqgħa ma servietx biex jiġu ċċarati ineżattezzi u impressjonijiet ħżiena li setgħu nbnew. Aħna miftuħin dejjem għad-djalogu għax bħala pajjiż kburin bil-ħidma li għamilna biex insaħħu s-saltna tad-dritt u biex insaħħu l-Belt Valletta u nagħtuha ħajja ġdida.
Nieħu l-opportunità biex għal darb'oħra nirringrazzja lil sieħbi Deo Debattista, liċ-Chairperson Jason Micallef u s-CEO Catherine Tabone u l-istaff kollu tal-Fondazzjoni għall-ħidma imprezzabbli. Saqsu lin-nies tal-Belt u barra mill-Belt u taraw l-apprezzament enormi għax-xogħol kbir li sar.
Mort ukoll dritt wara dawn il-laqgħat Innsbruck sabiex nieħu sehem fil-Laqgħa Informali tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea. Flimkien iddiskutejna metodi sabiex bħala kontinent Ewropew nipprokuraw b'mod iktar spedi data li jkollna bżonn fi proċeduri kriminali u ċivili mingħand service providers li jkunu reġistrati barra mill-Ewropea. Flimkien nistgħu niksbu iktar riżultati milli kieku naħdmu weħidna u għal rasna.