Rapporti li l-Pulizija bdiet tinvestiga 'd-dokumenti ffalsifikati' dwar Egrant

Skont l-istess rapporti r-rapport sħiħ ta' 1,500 paġna jinsab f'idejn il-pilizija u qed ikun analizzat minn investigaturi

Ir-rapport dettaljat tal-Maġistrat Aaron Bugeja
Ir-rapport dettaljat tal-Maġistrat Aaron Bugeja

Jidher li l-Pulizija xammret il-kmiem u bdiet tinvestiga d-dokumentazzjoni li allegatament kienet juru li l-kumpanija Egrant hija ta' mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat, iżda li mill-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja rriżulta li kienu ffalsifikati.

Skont it-Times of Malta, ir-rapport sħiħ ta' 1,500 paġna jinsab f'idejn il-pilizija u qed ikun analizzat minn investigaturi.

Il-konklużjonijiet ewlenin ta' dan ir-rapport kienu ppubblikati l-Ħadd filgħodu mill-Avukat Ġenerali, liema inkjesta ma sabet l-ebda indikazzjoni li l-kumpanija Egrant kienet ta' Michelle Muscat jew marbuta mal-familja Muscat u aktar minn hekk, id-declerations of trust, ippubblikati minn Daphne Caruana Galizia kienu jinkludu firem iffalsifikati.

Sa issa jidher li r-rapport sħiħ jinsab biss f'idejn il-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija, għalkemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wkoll talab biex ikollu f'idu r-rapport sħiħ.

Immedjatament bdiet taqtiegħa fil-Partit Nazzjonalista mhux biss għax il-Kap Adrian Delia neħħa lil Simon Busuttil mis-Shadow Cabinett imma anke għax talbu jissospendi lilu nnifsu mill-partit, xi ħaġa li Busuttil irrifjuta li jagħmel u li ħolqot rabja fost xejn inqas minn għaxar Deputati tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika