Manifestazzjoni għall-verità u l-ġustizzja fl-14 ta' Ottubru

Il-Manifestazzjoni se ssir jumejn qabel l-ewwel sena anniversarju mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

L-attivisti ta' Occupy Justice se jkunu qegħdin jorganizzaw manifestazzjoni għall-verità u l-ġustizzja fl-14 ta' Ottubru li ġej.

Fi stqarrija ppubblikata dalgħodu, huma saħqu li "l-allokazzjoni t’art pubblika prezzjuża għal prezz assurd lill-Grupp dB, il-permess biex jibnu torri mostruż, id-disprezz lir-residenti u lil dawk li pprotestaw jiġu minn governanza ħażina u korruzzjoni. In-nies hi ġustament irrabjata."

Skont Occupy Justice, "is-segretezza u l-ħabi fl-infieq pubbliku huma ħżiena u jaħbu nfieq mhux ġustifikat li jħallas għalih il-pubbliku. Il-Ministru Chris Cardona jrid jaħbi kemm iħallas lill-konsulenti tiegħu. Ħeba kemm nefaq jixrob mill-kmamar tal-lukandi fejn kien għal xogħol tal-gvern. Ħeba l-ġiti fil-weekends lejn bliet tal-Formula One u għadu jaħbi għalfejn mar. Għadu jaħbi x’jagħmel biex jiddeverti fl-għaxija meta jkun imsiefer fuq xogħol tal-gvern. In-nies hi ġustament irrabjata."

Apparti minn hekk huma qalu li, "l-immunità mill-prosekuzzjoni tal-politiċi li nqabbdu fil-fatt tassigura li pajjiżna jitmexxa mid-delinkwenti. Konrad Mizzi għadu jidħaq għax ħadd ma saqsih għalfejn iffirma biex jirċievi miljuni f’kumpanija sigrieta fil-Panama li waqqaf malli laħaq Ministru. Keith Schembri qas qatt ipprova jispjega għalfejn 17 Black kienet se tħallsu ta’ xejn. In-nies hi ġustament irribajata," sostnew Occupy Justice.

Huma qalu wkoll, li qliegħ mill-kriminalità ħammeġ isem pajjiżna, tant li meta Edward Scicluna jaqbad taksi fl-Amerika t’Isfel ix-xufier jassumi li hu korrott.

Fuq il-programm taċ-ċittadinanza b'investiment huma qalu li dan qed jintuża sabiex, "inbiegħu iċ-ċittadinanza tagħna lill-ħallelin imfittxija jew kastigati minn gvernijiet oħrajn u ospitajna magni tal-ħasil tal-flus għall-Cosa Nostra u l-Indrangeta. Il-portijiet tagħha jintużaw biex jaħżnu ż-żjut misruqa u l-awtoritajiet jibqgħu jħarsu. U negozji onesti qed jitgerrxu minn Malta. In-nies hi ġustament irrabjata."

Skonthom, "min joġġezzjona jew jipprotesta hu injorat jew ċensurat. Il-gvern iħoss li għandu mano libera biex ixejjen lil kull ħaġa jew kull min jieqaflu. Il-gvern jassumi li dawk li joġġezzjonaw huma ftit, bla tmexxija, mifruda u mbeżża’. Dawk li għadhom ma ntlaqtux ħażin mid-deċiżjonijiet tal-gvern jibżgħu li għada se jdur għalihom."

Il-Manifestazzjoni se tkun qegħda tibda minn quddiem is-Suq tal-Belt.

More in Politika