'Il-Gvern Laburista qiegħed jerġa' jkasbar il-professjoni tal-għalliema' - PN

Il-PN jikkritika bil-kbir l-emendi ġodda tal-Gvern fl-Att tal-Edukazzjoni

Fi stqarrija ppubblikata illum, il-Partit Nazzjonalista kkundanna r-riforma proposta mill-Gvern fl-Att tal-Edukazzjoni li skontu, biha, "qed jerġa' jkasbar il-professjoni tal-għalliema meta se jneħħilhom l-istatus professjonali u l-warrant li kisbu 30 sena ilu bis-saħħa tal-Liġi tal-Edukazzjoni mgħoddija fl-1988 mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern.”

Ilbieraħ fil-Parlament ġew preżentati emendi ġodda fl-Att tal-Edukazzjoni, li fost l-oħrajn se jbiddlu s-sistema ta' warrants tal-għalliema.

Skont il-PN, “l-arroganza tal-poter qed twassal lill-Partit Laburista biex jerġa' jibda jistmerr lill-għalliema kif għamel għal ħafna snin fil-gvern meta l-Ministri Laburisti kienu jagħjru lill-għalliema u jkesksu lill-istudenti u lill-ġenituri kontrihom.”

Hu kompla jgħid li, “dawn l-atti ta' disprezz kontra l-għalliema konna nsejnihom, l-aktar bis-saħħa tal-istatus professjonali u l-warrant li ta Gvern Nazzjonalista fil-liġi dwar l-edukazzjoni mgħoddija fl-1988.”

Għall-PN, it-tneħħija tal-warrants permanenti tal-għalliema u l-introduzzjoni ta’ warrants temporanji hu pass lura fil-kisbiet tal-għalliema. Apparti minn hekk, skonthom, il-kriterji għall-kisba tal-warrant huma mċajpra b'mod li jista' jwassal għal abbuż tal-poter.

 

More in Politika