Magħrufa ‘tal-Kalkara’ imma Boxall jgħid li tal-Birgu

Meta mina ssir suġġett ta’ diżgwid bejn il-ġirien…

It-tnejn jgħidu li tagħhom il-mina....
It-tnejn jgħidu li tagħhom il-mina....

Magħrufa mal-Kalkariżi u l-madwar bħala l-mina tal-Kalkara. Mina li bħal tieqa toffri togħma żgħira ta’ dak li joffri r-raħal tal-Kalkara, apparti l-fatt li twassal direttament għax-xatt tal-Kalkara.     Madanakollu, f’dan ir-raħal u l-belt biswit, jiġifieri l-Birgu, sikwit iqum l-argument li jdur ma’ din il-famuża mina: bil-Kalkariżi jgħidu li hi tal-Kalkara u l-Ġirbin jgħidu li din tagħmel parti mill-Birgu.

Mistoqsi minn din il-gazzetta taħt liema lokalità tappartjeni din il-mina, is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, kien pront jisħaq li, “il-mina li tagħti għall-Kalkara hi tal-Birgu. Minn dejjem hekk kienet. Il-Kunsill tal-Kalkara qatt ma qajjem argument magħna dwarha.”

 Minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Boxall, l-ILLUM ħarset ftit lejn il-mappa pprovduta mill-Awtorità tal-Ippjanar li fiha jidher biċ-ċar sa fejn jaslu l-konfini tal-Kalkara. Il-bieb inkwistjoni huwa fil-konfini tal-lokalità tal-Kalkara, xi ħaġa li kienet ikkonfermata minn sorsi differenti fil-Kalkara stess.

Iżda dan il-fatt ma tantx jidher li qiegħed jikkonvinċi lis-Sindku Boxall.

“Il-Kunsill tal-Kalkara ma jimpurtahx mid-daħla, dak minn xi arblu jimpurtah biss. Però biss jekk xi darba jqajmu dan l-argument,” kompla jinsisti Boxall, “inressqu l-każ tagħna, li ċarament jixhed li din hi tal-Birgu.”

Hu kompla jgħid, li “fil-passat kellna każ ieħor fuq il-mina ta’ Bieb is-Sultan fejn fl-aħħar mill-aħħar fil-Qorti kien ġie deċiż li din tagħmel mal-Birgu,” sostna Boxall.

It-territorju Kalkariż skont l-Awtorità tal-Ippjanar
It-territorju Kalkariż skont l-Awtorità tal-Ippjanar

Din il-gazzetta staqsiet lil Boxall, ġaladarba din il-mina tagħmel parti mill-Birgu, għaliex tinsab f’sitwazzjoni xejn feliċi? B’ħaxix evidentement ħiereġ minn kullimkien u anke fortifikazzjoni biswit il-mina li qed tikrolla. Fuq din Boxall fakkar kif, “il-manutenzjoni tal-mina u anke l-fortifikazzjoni mhix responsabbilità tal-Kunsill tal-Birgu imma din taqa’ taħt il-Gvern Ċentrali.”

Għalkemm diversi Kalkariżi li tkellmu mal-ILLUM esprimew it-tħassib tagħhom dwar id-dikjarazzjoni li l-mina tal-Kalkara tista’ tkun tal-Birgu, il-furur tagħhom kien iktar jikkonċerna t-telqa li din il-mina u d-daħla tal-Kalkara jinsabu fiha.

“Ilha snin għaddejja dil-kwistjoni. Minn jgħid li tal-Birgu u minn jgħid li tal-Kalkara. Jiena dejjem il-mina tal-Kalkara nafha. Però hi ta’ min hi, li hu żgur huwa li tinsab f’telqa kbira,” sostna resident Kalkariż li xtaq jibqa’ anonimu.

Din il-gazzetta kkuntattjat ukoll lis-Sindku tal-Kalkara, Speranza Chircop li innutat kif mill-mappa tal-konfini “jidher li dan il-bieb huwa barra l-Birgu u fil-Kalkara. Il-mina kulħadd jafha bħala l-mina tal-Kalkara,” sostniet Chircop. Hija appellat lill-Gvern biex jieħu f’idejh ir-responsabbilità ta’ dan il-bieb storiku “u jagħti lura dak li hu mistħoqq lil-lokalitajiet. Jiena nibqa’ nsostni li l-mina għandha tkun tal-Kalkara u l-konfini għandhom ikunu mis-swar ’il ġewwa, bħalma hemm postijiet oħrajn.”

More in Politika