'Bla dubju Josef se jkun qed jiġbed il-ħabel favur pajjiżna' - Muscat
Josef Caruana jniedi l-kampanja tiegħu gġħall-elezzjonijiet tal-MEPs
More in Politika
Josef Caruana jniedi l-kampanja tiegħu gġħall-elezzjonijiet tal-MEPs
“Mhemmx dubju li, kemm-il darba jingħata l-fiduċja, Josef se jkun qed jiġbed il-ħabel tagħna, il-ħabel favur pajjiżna,” tenna l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li tkellem fit-tnedija tal-kampanja tal-kandidat Laburista Josef Caruana.
F’serata organizzata fil-Montekristo Estates nhar il-Ġimgħa filgħaxija, il-Prim Ministru qal li lil Josef jikkunsidrah bħala ħabib. “Sinċerament ngħid li ħadt pjaċir meta ftit tax-xhur ilu qalli li kien qed jaħseb li jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.”
Dr Muscat kompla jgħid li “wara li beda jaħdem miegħi fl-Uffiċċju mis-sena li għaddiet, kien hemm min qalli li ħass tassew in-nuqqas tiegħu fil-gazzetta (L-ORIZZONT) u l-ġurnaliżmu. U allura meta persuna bħal Josef ikollha din it-tip ta’ relazzjoni man-nies u l-ħaddiema tiegħu, mhemmx dubju li jkollha kwalitajiet maniġerjali tajbin ħafna.”
Min-naħa tiegħu, f’diskors tal-okkażjoni, Caruana enfasizza kif, jekk qatt kellu xi dubji kemm hu għaqli li jikkontesta l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, “dawn tajjarthom fl-aħħar jiem, meta fil-Parlament, Simon Busuttil neħħa kull maskra u kkonferma kemm tassew hu ipokrita u li tassew qatt ma emmen fir-Rule of Law, anke jekk ipinġi lilu nnifsu bħala l-kavallier difensur tagħha.”
Caruana, li għamel 25 sena jaħdem fil-ġurnaliżmu fi ħdan il-Union Print u serva bħala Editur ta’ L-ORIZZONT għal seba’ snin u sentejn minnhom bħala Aġent Editur ta’ IT-TORĊA, kompla li, “bl-istess determinazzjoni li wrejna fl-elezzjonijiet ġenerali kruċjali tal-2013 u l-2017, inwiegħed li nkompli nissielet bl-istess rieda, kuraġġ u entużjażmu kontra dawk li jafu biss iħammġu u jagħmlu l-ħsara lil pajjiżna u l-ekonomija tiegħu.”