White Rocks: Il-Gvern u l-konsorzju għadhom ’il bogħod minn ftehim

Minkejja li Tony Zahra qalilna li ‘kważi waslu’ għal ftehim, kelliema għall-Ministeru ta’ Chris Cardona tgħid li ftehim għadu ’l bogħod u l-Gvern u l-Konsorzju għadhom mhux qed jaqblu dwar il-prezz tal-art

Il-White Rocks, mitluq u dilapidat
Il-White Rocks, mitluq u dilapidat

Il-proġett tal-White Rocks jinsab mill-ġdid imdendel u mhux ċar jekk il-proċess kollu mal-konsorzju White Rocks Development Company (WRDC) magħżul biex jwettaq il-proġett hux se jieqaf.  Dan hekk kif qed jidher li minkejja li għaddew aktar minn erba’ snin minn meta tħabbar għadu ma ntlaħaqx il-ftehim neċessarju biex ikun jista’ jibda l-proċess kollu tal-proġett, inkluż il-permessi meħtieġa.

 Fil-fatt il-binja fuq art pubblika għadha mitluqa kif ilha għal snin twal b’rapporti fuq midja differenti jgħidu li saħansitra hemm min qed jgħix illegalment f’dawn il-binjiet vojta.

Tony Zahra, f’kummenti ppubblikati nhar id-9 ta’ Settembru fuq il-gazzetta ILLUM,  kien ta lil din il-gazzetta impressjoni kompletament differenti ta’ fiex wasal il-proġett. Dakinhar Zahra, li huwa Direttur tal-kumpanija, Alpine Holdings Ltd, waħda mill-kumpaniji li jifformaw il-konsorzju WRDC,  kien qal li n-negozjati kienu waslu fi stadju finali tant li assigura li “diskussjonijiet għadhom għaddejjin u nista’ niżvela wkoll li se jkollna żviluppi importanti fil-ġimgħat li ġejjin.”   

Minkejja dan, tard din il-ġimgħa Kelliema għall-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji  Żgħar sostniet illi d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin  u li s’issa għad m’hemm ebda indikazzjoni ta’ qbil.

Jidher li kemm il-Ministeru fuq naħa, kif ukoll il-Konsorzju WRDC fuq in-naħa l-oħra qed jinsistu l-pożizzjoni tagħhom fuq il-prezz tal-art, bil-Konsorzju joffri prezz ħafna iktar baxx minn dak li qed jistenna l-Gvern.

“Il-Gvern sempliċiment jagħmel tpartit tal-art bi prezz baxx,” sostniet il-Kelliema tal-Ministeru.

Il-proġett ilu ġej u ‘kważi wasal’, imma s’issa kollox għadu wieqaf.  F’Diċembru tal-2016, il-Ministru Chris Cardona kien qal illi l-proġett kien se jitnieda qabel l-elezzjoni ġenerali li saret f’Ġunju 2017. Sa dakinhar ma kien għadu tħabbar xejn.

F’Novembru tal-2017, kważi sena ilu, The Malta Independent, irrappurtat kif id-diskussjonijiet kienu għadhom għaddejjin, bil-Ministru Cardona jinsisti li dawn ‘waslu fi stadju avvanzat’.

The Malta Independent kienet ippubblikat storja illi fiha kien jingħad li l-Gvern se jbigħ l-art għall-prezz totali ta’ €22 miljun, xi ħaġa li l-Ministeru ta’ Chris Cardona ċaħad. Hu qal li l-valur tal-art huwa ħafna ogħla minn hekk.

Ikkuntattjat mill-ġdid minn din il-gazzetta l-ġimgħa l-oħra, tliet ġimgħat wara li żvela kif ftehim kien fil-viċin, Zahra qal illi ma xtaqx jagħti aktar dettalji għalissa u bagħatna għand il-Gvern.
Il-Malta Developers’ Association (MDA) kienet appellat lill-Gvern biex jitlob prezz kummerċjali għall-art li se jgħaddi lill-konsorzju. “Dan huwa importanti biex l-istat iħares il-ġid komuni u biex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta bejn żviluppaturi,” kienet sostniet l-MDA.

Issa għaddew aktar minn erba’ snin sħaħ minn meta beda l-proċess biex isir dan il-proġett , hekk kif kien nhar it-23 ta’ Ġunju 2014 li nfetħet ‘Expression of Interest’ li toffri 45 ettaru ta’ art għal ideat ‘moderni, kreattivi u innovattivi’. Il-Ministru Cardona kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet bil-veduta tal-White Rocks u fiha kien ħabbar dan l-iżvilupp ‘esklussiv’.

11-il proposta kienu sottomessi għal proġett bil-konsorzju White Rocks Development Company (WRDC) jintgħażel bħala l-offerent preferut.

Il-konsorzju huwa magħmul minn London&Regionel Holdings, li jinkludi lill-aħwa Livingstone, Alpine Group, Bonnici Brothers, Mizzi Holdings Ltd, l-investitur Michael Bianchi, Sea Estate Ltd u Elma Ltd.

 

More in Politika