‘Haw’ġisem’... u tista’ teħel multa ta’ €10,000 u sentejn ħabs
'Kliem bħal, ‘haw’ġisem’, jew ‘haw’lily’, huma meqjusa bħala att ta’ fastidju sesswali'
More in Politika
'Kliem bħal, ‘haw’ġisem’, jew ‘haw’lily’, huma meqjusa bħala att ta’ fastidju sesswali'
Minn haw’ġisem sa haw’lily, il-Malti bħal kull lingwa oħra, jinkludi fih ġabra ta’ kliem li tista’ tintuża bl-għan li persuna tittanta u tiffastidja persuna oħra. Normalment dan hu meqjus bħala att ta’ diżrispett, umiljanti u offensiv però ftit jafu li tista' teħel multa ta’ €10,000 u anke sentenza ta’ sentejn priġunerija. Hekk hu. Dan issa ġie kkonfermat mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza għall-mistqosijiet ta’ din il-gazzetta.
Riċentement, waqt l-intervent tagħha fuq il-programm TVAM, Lara Dimitrijevic mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, qalet li għandhom jibdew jittieħdu passi kriminali kontra min jgħaddi dawn it-tip ta’ kummenti.
Dimitrijevic sostniet li l-fastidju sesswali, m'għandux jibqa' japplika biss għal każijiet bħal dawk li jseħħu fuq il-post tax-xogħol iżda għandu jestendi wkoll għal dawk li jsiru fit-toroq Maltin u Għawdxin.
Dimitrijevic spjegat kif f’pajjiżi Ewropej oħra bħal Franza, diġà hemm liġi li tissalvagwardja kontra dan it-tip ta’ fastidju. Dan hekk kif f’Awwissu li għadda Franza daħlet fis-seħħ liġi kontra dan it-tip ta’ fastidju. Bażikament persuna li tifastidja lil persuna oħra bi kliem dispreġġjattiv bħal dan tista’ teħel multa ta’ €750 dak il-ħin stess.
Żiedet tgħid li bħala Fondazzjoni, kienu pproponew din il-liġi fl-istadju ta' konsultazzjoni dwar l-Att dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika li ddaħħlet din is-sena bl-għan li Malta tiġi konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-ILLUM tkellmet mal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, propju l-Ministeru li kien inkarigat mil-liġi tal-Vjolenza Domestika, li rat lill-Malta ssir konformi mal-Konvenzjoni ta' Istanbul.
Minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Dimitrijevic, il-Ministeru spjega li attwalment il-liġi Maltija diġà tkopri sabiex dan it-tip ta’ fastidju jkun penalizzat, permezz ta’ sentenza ta’ priġunerija u/jew multa ħoxna.
“Fil-qosor ma hemm ebda bżonn li tinbidel il-liġi, iżda biss li jitħaddmu l-bidliet permezz tal-Att dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika,” sostna Silvan Agius li huwa id-Direttur għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni fi ħdan il-Ministeru.
Hu kompla jgħid li, il-Kodiċi Kriminali huwa ċar dwar dan l-att, “il-fastidju jista’ jseħħ permezz ta’ numru ta’ azzjonijiet mill-akkużat. Fosthom meta persuna tissoġġetta lil persuna oħra għal xi att jew imġiba li jkollhom konnotazzjonijiet sesswali,” saħaq Agius.
Żied jgħid, “li dan jinkludi fih kliem bil-fomm, mossi, jew għemil, il-wiri jew ċirkolazzjoni ta’ kliem miktuba, stampi, jew materjal ieħor li mhumiex mixtieqa mill-vittma u li jistgħu raġonevolment ikunu kkunsidrati bħala offensivi, umiljanti, degradanti jew intimidanti,” spjega Agius.
Għalhekk, Agius spjegalna kif il-liġi tikkunsidra kliem bħal, ‘haw’ġisem’, jew ‘haw’lily’, bħala att ta’ fastidju sesswali. Sabiex xi ħadd jinsab ħati ta’ dan hemm bżonn li: ovvjament ikun seħħ l-att u li dan ma jkunx mixtieq mill-vittma kif ukoll li l-kliem li jintqal ma jkunx jista' jitqies bħala wieħed raġonevoli fiċ-ċirkostanzi ta’ meta jintqal.
Fl-aħħar nett, huwa spjega li l-piena marbuta ma’ dan ir-reat hija ta’ priġunerija għal minimu ta’ sitt xhur sa massimu ta’ sentejn, jew multa ta’ bejn €5,000 u €10,000, jew, skont id-diskrezzjoni tal-Qorti, dik il-multa u l-priġunerija flimkien.