Il-Baġit kif se jolqot lill-pensjonant, lin-negozjant u lill-koppja bit-tfal?

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn kif il-Baġit se jolqot lill-faxex differenti ta' nies, minn koppja bit-tfal għall-anzjani li jgħixu waħedhom

Hekk kif nhar it-Tnejn li għadda ssejjaħ il-Baġit, il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn seba' każijiet ta’ familji differenti u kif dawn se jgawdu mill-miżuri li ħabbar il-Gvern....

Kevin u Graziella

Koppja fejn jaħdem biss ir-raġel u jaqla’ madwar €13,000 fis-sena, u għandhom żewġt itfal taħt is-16-il sena.

Kevin ser jieħu żieda ta’ €121.16 fis-sena biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja kif ukoll ser ikollu f’idejh kważi €340 aktar fis-sena biż-żieda fl-Allowance tat-tfal u permezz tat-titjib fir-rati mnedija fil-Baġit fl-iskema tal-In-Work Benefit għal familja fejn wieħed jew waħda mill-ġenituri jaħdmu.

B’kollox id-dħul ta’ Kevin u l-familja tiegħu se jiżdied b’madwar €460 fis-sena, u dan barra li Kevin ser jerġa’ jirċievi tax refund ta’ €68.

Id-dħul tagħhom jista’ jiżdied ferm aktar jekk Graziella tidħol fid-dinja tax-xogħol għaliex, minbarra l-paga, ikollha wkoll żieda fl-In-Work Benefit peress li, fejn koppja jaħdmu t-tnejn, ir-rati skont id-dħul jistgħu jkunu ogħla minn dawk li għandhom illum.

F’dan il-każ il-familja tista’ tmur tajjeb ukoll għaliex jonqsulha l-ispejjeż tat-trasport għall-iskola tat-tfal.

Bħal Kevin u Graziella hemm aktar minn 18,000 familja bi dħul ta’ anqas minn €20,000 fis-sena li se jgawdu minn żieda fiċ-Children’s Allowance li tvarja skont id-dħul tagħhom.

Karl u Sarah

Koppja b’żewġt itfal taħt is-16-il sena, ir-raġel jaħdem b’paga gross ta’ madwar €14,800, iżda l-mara toqgħod id-dar biex tieħu ħsieb binthom b’diżabiltà.

Karl ser jieħu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja u ser jibbenifika mit-titjib fl-Allowance tat-tfal, fl-In-Work Benefit, u fl-Allowance għal Tfal b’Diżabilità li ser tiżdied ukoll. Barra paga aħjar, minn dawn il-benefiċċji, fl-2019 il-familja ta’ Karl ser iddaħħal b’kollox aktar minn €530 iżjed fis-sena.

Barra minn hekk, Karl ser jirċievi tax refund ta’ €68.

Katia

Omm ta’ tifla b’diżabilità severa u tirċievi l-Assistenza Miżjuda għal Diżabiltà Severa.

Bis-saħħa tat-twettiq tar-riforma li nbdiet fl-2017, f’dik li qabel kienet il-pensjoni għal diżabilità, Katia issa se tara l-assistenza mħallsa lil bintha titla’ għal €158.26 fil-ġimgħa biex se tiġi daqs il-Paga Minima Nazzjonali netta kif kien imwiegħed. Din tfisser żieda ta’ kważi €950 oħra fis-sena.

B’kollox, il-benefiċċju ta’ bint Maria se jkun żdied bi kważi €3,000 fis-sena fi 3 snin.

Andrew

Jaħdem għal rasu u jħallas il-bolla imma jixtieq li jwaqqaf l-attività tiegħu biex isib xogħol ma’ kumpanija. Biex jagħmel dan se jkollu jagħmel xi żmien jirreġistra.

Bis-saħħa ta’ miżura mħabbra fil-Baġit, persuni self-employed issa se jingħataw għall-ewwel darba d-dritt għall-Benefiċċju tal-Qgħad. B’hekk Andrew issa meta jieqaf mix-xogħol għal rasu u jirreġistra għax-xogħol, sakemm isib impjieg alternattiv, se jkollu dritt li jirċievi l-Benefiċċju tal-Qgħad.

Charles

Pensjonant li llum jgħodd it-73 sena. Kien jaħdem mal-Gvern u kien irtira bil-pensjoni tas-servizz. Huwa llum jieħu pensjoni tas-sigurtà soċjali mnaqqsa.

Is-sena d-dieħla Charles se jgawdi minn tlett miżuri mħabbra fil-Baġit.

Minbarra li se jieħu żieda ta’ €4.50 fil-ġimgħa fil-pensjoni bħall-pensjonanti kollha, huwa se jgawdi ukoll mill-miżura tal-€200 għall-pensjonanti tas-servizz kif ukoll mill-miżura l-ġdida li biha mal-età ta’ 72 sena se jkunu injorati 75% mill-ammont li Charles kien ikkomuta mill-pensjoni tas-servizz. B’dawn il-miżuri Charles jista’ jgawdi minn żidiet fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali li jaqbżu il-€500 fis-sena.

Bħal Charles hemm eluf ta’ pensjonanti oħra tas-servizz li jistgħu jibbenefikaw minn żidiet addizzjonali fil-pensjoni tagħhom skont meta rtiraw u fuq liema skala ta’ salarju kienu meta rtiraw.

Mario u Mary 

Koppja b’żewgt itfal jaħdmu. Il-mara ma taħdimx, u Mario sofra invalidità parzjali u kontra qalbu kellu jieqaf mix-xogħol. Huwa applika u ngħata l-Pensjoni għall-Invalidità, iżda l-mara ma kkwalifikatx għall-Allowance tal-Carers għax m’għaddietx mit-test tal-mezzi.

Mary ser tkun tista’ tapplika mill-ġdid u tikkwalifika għaliex, permezz ta’ reviżjoni tal- kundizzjonijiet, fl-2019 applikanti għall-Allowance tal-Carers ser jinħelsu milli jgħaddu mit-test tal-mezzi. Minħabba li Mario huwa ċċertifikat li għandu dipendenza medja, Mary issa ser tingħata din l-Allowance li fl-2019 se tlaħħaq €92.72 fil-ġimgħa.

Għaldaqstant, wara li l-għixien tal-familja ntlaqat bit-telf tal-paga ta’ Mario, il-Gvern qed jirrikonoxxi li l-mara ser tkun qiegħda tieħu ħsiebu f’darhom billi jagħtiha l-Allowance filwaqt li r-raġel ikompli jirċievi il-Pensjoni għall-Invalidità li se tiżdied ukoll b’€4.50 fil-ġimgħa.

Pawlu

Pensjonant li kien impjegat ma’ kumpanija fil-Libja bejn l-1987 u l-1995. Huwa baqa’ jħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-Libja għaliex ma kienx jaf li bi ftehim milħuq fl-1988 bejn Malta u l-Libja dawn il-kontribuzzjonijiet kellhom jibdew jitħallsu f’Malta, minflok fil-Libja. Meta ġie biex jirtira sab li kien intitolat għal pensjoni aktar baxxa milli kien jistenna għaliex ma kienx ħallas il-kontribuzzjonijiet tiegħu kollha f’Malta kif suppost.

Bis-saħħa ta’ miżura ġdida fil-Baġit, nies bħal Pawlu se jingħataw l-opportunità li jirregolarizzaw irwieħhom mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u b’hekk ikollhom reviżjoni fil-pensjoni tagħhom.

Dan ser isir billi jintalbu jipproduċu provi tal-kontribuzzjonijiet li ħallsu fil-Libja u, jekk dawn ikunu vverifikati, jiġu kkonvertiti f’kontribuzzjonijiet Maltin skont is-sistema l-antika. Jekk ma jkollhomx provi, l-eks ħaddiema ser jingħataw il-possibilità li jħallsu skont ir-rati kurrenti sa massimu ta’ 10 snin kontribuzzjonijiet nieqsa.

Karmenu

 Pensjonant li kien jaħdem it-Tarzna għal diversi snin sakemm kellu kontra qalbu jitlaq bi skema ta’ irtirar kmieni fl-2003. Huwa kien baqa’ jaħdem wara imma l-paga li kellu kienet anqas bil-konsegwenza li meta irtira kellu pensjoni baxxa.

B’miżura fil-Baġit, il-Gvern se jneħħi d-diskriminazzjoni li hemm illum li biha dawk li kienu ħadu skema ta’ irtirar kmieni qabel l-2008 ma kinux trattati l-istess bħal dawk li ħaduha wara. B’hekk issa Karmenu se jkollu l-pensjoni tiegħu maħduma fuq is-salarji aktar għoljin li kellu t-Tarzna u se jgawdi minn żieda fil-pensjoni mis-sena d-dieħla ’l quddiem.

Tony 

Jaħdem mal-Gvern u se jagħlaq 61 sena s-sena d-dieħla. Minkejja li għandu biżżejjed bolol biex jieqaf mix-xogħol huwa ma jixtieqx jirtira għalissa u beħsiebu jaħdem sakemm jagħlaq l-età tal-irtirar tiegħu ta’ 63 sena.

Sal-lum min hu bħal Tony mhuwiex jibbenefika minn inċentiva li kien daħħal il-Gvern għall-ħaddiema fis-settur privat li biha min jibqa’ jaħdem jieħu żieda fil-pensjoni ta’ bejn 5% u 23% skont kemm-il sena jibqa’ jaħdem.

Minħabba li Tony se jaħdem sa 63 sena kif għandu kull dritt jagħmel, issa huwa ukoll se jibbenifika minn żieda ta’ 10.5% fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali tiegħu meta jirtira.

Catherine u Diane 

Żewġ nisa li għandhom żwieġhom illum pensjonanti. Dawn iż-żewġ nisa kienu ħadmu għal xi żmien sakemm iżżewġu u ma reġgħux ħadmu iżjed u ma ħallsux bolol biżżejjed biex jieħdu pensjoni.

Kemm Catherine u kemm Diane se jieħdu żieda ta’ €50 kull wieħed fil-bonus annwali li beda jitħallas fl-2015 għal persuni li ma jkunux ħallsu biżżejjed bolol biex jikkwalifikaw għall-pensjoni. Peress li Catherine kienet ħallset 4 snin bolol hija se tirċievi bonus ta’ €200 s-sena d-dieħla waqt li Diane għas-7 snin bolol li kienet ħallset se tieħu bonus ta’ €300.

More in Politika