Daqshekk garżelli u mwejjed twal…kif se jibdew jingħaddu l-voti?
Mill-elezzjonijiet li ġejjin se tintuża għall-ewwel darba sistema elettronika li tgħodd il-voti
More in Politika
Mill-elezzjonijiet li ġejjin se tintuża għall-ewwel darba sistema elettronika li tgħodd il-voti
Mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Lokali f’Mejju li ġej, 26 ‘scanner’ mistennija jirrevoluzzjonaw il-mod ta’ kif jingħaddu l-voti.
Waqt konferenza stampa fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali (KE) Joseph Church, spjega kif f’temp ta’ kważi sena l-KE flimkien mat-tim ta’ iDOX kumpanija bbażata l-Ingliterra li tispeċjalizza fl-implimentazzjoni ta’ sistemi varji, irnexxielhom jimplimentaw din is-sistema elettronika f’pajjiżna.
X’se jinbidel b’din is-sistema?
L-ewwel nett, wieħed irid iżżomm f’moħħu li din is-sistema inkwistjoni se tkun responsabbli mill-għadd tal-voti u mhux il-votazzjoni per se.
Għalhekk il-qofol tal-proċess tal-votazzjoni se jibqa’ kif inhu. Il-bidla se ssir, ovvjament, fil-mod kif jingħaddu l-voti, hekk kif minn Mejju li ġej, dawk l-imwejjed twal u l-garżelli mistennija jsiru parti mill-istorja hekk kif għall-ewwel darba, se jiġu utilizzati 26 scannner li se jgħoddu l-voti kollha. B’kollox se jkun hemm żewġ scanners għal kull distrett.
Church spjega wkoll kif il-voti mhux se jibqgħu jitqassmu f’pakketti ta’ 50, għaliex dawn l-iscanners għandhom il-kapaċità li jaqraw numru kbir ta’ voti f’salt.
Apparti minn dan, il-poloz tal-vot se jinbidlu wkoll, hekk kif dawn se jibdew jinkludu fihom ritratt ta’ kull kandidat filwaqt ukoll li żdiedet il-ħxuna tal-karta bl-għan li l-iscanner ikollu riżultat aktar ċar. Il-KE biddlet ukoll il-kaxxi tal-voti, b’dawn il-kaxxi issa jsiru aktar trasparenti.
X’inhu l-għan wara din is-sistema?
Waqt il-konferenza stampa, fejn għall-ewwel darba l-midja setgħet tara quddiemha t-teknoloġija rivoluzzjonarja, Church spjega kif b’din l-implimentazzjoni l-proċess tal-għadd tal-voti mistenni jkun aktar affidabbli mis-sistema l-antika hekk kif il-voti se jibdew jingħaddu b’mod aktar veloċi u trasparenti.
Il-kap tal-KE qal ukoll li waħda mir-raġunijiet prinċipali li wasslet biex tiġi implimentata din is-sistema kienet il-ħin ta’ stennija. “B’din is-sistema mhux se jerġa’ jkollna repetizzjoni tal-għadd tal-voti fl-elezzjoni tal-PE li għaddiet. Meta biex ġew eletti 6 kandidati domna tlett ijiem.”
X’se jiġri mid-delegati tal-partiti politiċi?
Skont l-informazzjoni pprovduta f’din is-sezzjoni, kull vot li din is-sistema tqis bħala wieħed dubjuż se jgħaddi taħt l-iskrutinju tad-delegati tal-partiti politiċi u l-Kummissjoni Elettorali li fl-aħħar nett għandhom l-aħħar kelma.
Intant, fl-1 ta’ Diċembru se jkun hemm test ta’ prova ieħor fuq is-sistema sabiex tiġi żgurata li l-implimentazzjoni tas-sistema elettronika hija lesta għad-domanda tal-elezzjonijiet ta’ Mejju.