'Seabins' fil-baħar tal-Kalkara għal baħar aktar nadif

L-Assoċċjazzjoni Wirt il-Kalkara, tħabbar il-pjan sabiex jiġu installati seabins awtomatiċi fil-Kalkara stess.

Ġaladarba għandna dustbins fuq l-art, għala m’għandux ikollna fil-baħar. Din hija l-idea wara ‘The Seabin Project’ proġett pilota li beda propju fl-Awstralja li issa wasal ukoll fuq gżiritna. L-idea hi li jitnaqqas drastikament l-ammont ta’ skart fl-ibħra tagħna.

Kienet l-għaqda ambjentali, ‘#Żibel’, li fix-xhur li għaddew irnexxielhom jinstallaw l-ewwel xorta ta’ dawn ir-reċipjenti rivoluzzjonarji mal-puntuni fil-Marina di Valletta. Issa fuq in-naħa l-oħra tal-Port, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, għadejjin bla waqfien sabiex dawn is-seabins jiġu installati wkoll fir-raħal pittoresk tal-Kalkara.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Josette Deguara, membru attiv fi ħdan l-Assoċjazzjoni u l-persuna li qiegħda tmexxi din l-inizjattiva. Mal-ILLUM, Deguara spjegat il-ħsieb wara din l-inizjattiva. “Għandna għal qalbna mhux biss ir-raħal tagħna iżda wkoll l-ambjent. Nemmnu li b’din l-implimentazzjoni nistgħu neliminaw l-ammont sostanzjali ta’ skart li jinġema' fl-ibħra tagħna u nsebbħu wkoll l-lokalità tagħna.”

Minkejja dan, din il-gazzetta tinsab infurmata, li l-ispiża sabiex dawn it-tip ta’ reċipjenti jiġu installati fil-Kalkara tlaħħaq il-€5,500 għalhekk l-Assoċjazzjoni qiegħda tappella għall-għajnuna pubblika sabiex tinġabar din is-somma.

X’inhu dan is-seabin u x’kapaċi jagħmel?

Dan l-hekk msejjaħ seabin, għandu forma simili għad-dustbins li nsibu mxerdin madwar il-lokalitajiet tagħna però ovvjament dan jitpoġġa fl-ilma u jżomm fil-wiċċ. Dan ir-reċipjent teknoloġiku jopera bl-użu ta’ pompa li tiġbed fih l-ilma flimkien ma’ kull xorta ta’ skart li jista' jkun hemm fl-ilma inkluż, plastik żgħir saħansitra b’daqs ta’ 2mm. Ix-xibka ta’ ġewwa fih tiġbor l-iskart filwaqt li l-ilma jerġa' joħroġ lura fil-baħar. Hu stmat li dan ir-reċipjent kapaċi jiġbor 1.5kg ta’ skart kuljum b’hekk f’sena dan ikun ġabar mat-tunellata u nofs ta’ skart.

More in Politika