Ir-Radju....altru milli nqatel (f’Malta)!
Ir-radju f’Malta kompla jissaħħaħ fil-popolarità... b’radji tal-komunità, u Bay Radio jibqa’ l-ewwel skont ir-rapport annwali tal-Awtorità tax-Xandir...
minn Albert Gauci Cunningham
Ir-radju. Wieħed mill-mezzi tax-xandir konvenzjonali li diversi jgħidu illi qabad it-triq tan-niżla. Minkejja dan ċifri maħruġin minn stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir juru illi fil-fatt l-udjenza tar-radju tielgħa mhux nieżla. B’kollox f’Ottubru tas-sena l-oħra, meta mqabbel ma’ Ottubru tal-2016 kienet irreġistrata żieda ta’ 20,000 persuna li kienet qed isegwi r-radju.
F’kuntest iktar wiesa’ ta’ min jinnota iżda li meta mqabbel ma’ xhur oħrajn il-qabża hija ikbar hekk kif l-udjenzi tar-radju jonqsu sew fix-xhur tas-sajf. Fil-fatt skont iċ-ċifri fir-Rapport annwali tal-Awtorità tax-Xandir filwaqt li fi Frar tas-sena l-oħra 197,800 kienu qed isegwu r-radju, dan l-ammont niżel għal 178,400 f’Lulju tas-sena l-oħra wkoll, imbagħad spara ’l fuq għal 206,700 persuna jsegwu f’Ottubru.
Dan jista’ jkun riżultat ta’ ħafna raġunijiet, fosthom żieda ta’ ħinijiet fil-karozzi fejn isir ħafna smigħ ta’ radju.
Naturalment, tlieta minn kull erbgħa jisimgħu r-radju matul il-jum u huma 25% biss li jibqgħu jisimgħu r-radju matul il-lejl.
Radju għal xahar, għal festa...
Interessanti, qabel inħarsu lejn ir-radji li huma aktar segwiti, illi f’pajjiżna hemm ħafna radji li joperaw għal ftit ġimgħat, ġeneralment biex jippromovu attivitajiet fil-lokalità, fosthom il-festa.
Fost dawn, pereżempju, is-sena l-oħra kien hemm Radju Leħen Ġużeppini, Radju Lauretana, Radju Margerita u Leħen il-Karmelitani li lkoll għamlu max-xahar ixandru.
Oħrajn simili għal dawn imma għandhom liċenzja biex ixandru għal perjodu itwal; Radio Vilhena, Heart FM u Radju Każin Banda San Filep. Dawn ir-radji lkoll għandhom liċenzja għal tliet snin, b’dak ta’ San Filep jirċievi din il-liċenzja f’Mejju tas-sena l-oħra.
Il-Bay Radio, l-aktar li jisimgħuh nies...
Tul is-sena l-oħra l-Bay Radio kien l-iktar stazzjon tar-radju popolari, fis-sens illi kien l-aktar illi segwewh nies. Fi Frar tal-2017 17.8% tas-semmiegħa semgħu l-Bay Radio, 20.2 f’Lulju u kwart tas-semmiegħa kollha (25%) f’Ottubru.
Isegwih, b’distakk li jvarja bejn il-1% u l-5% matul is-sena kollha, kien hemm ONE Radio segwit minn 16.8% tas-semmiegħa kollha fi Frar, 17% f’Lulju u 14.8% f’Ottubru. Vibe FM isegwi b’distakk li jilħaq is-6.4% u wara b’massimu ta’ 9.1% fi Frar kien hemm NET FM.
Radju Malta, li huwa l-istazzjon nazzjonali tar-radju jiġi fir-raba’ post b’massimu ta’ 10.8% tas-semmiegħa jgħidu li jisimgħuh f’Ottubru. Campus FM, Radju Marija u Smash TV kienu fost l-inqas li kellhom udjenzi.
Imma r-radju mhux biss kemm jarawh nies iżda kemm idumu jaraw dak l-istazzjon partikolari. Minkejja li Calypso Radio m’għandux numru għoli ta’ semmiegħa, dawn jagħmlu l-akbar numru ta’ sigħat jismgħuh, jew għallinqas kienu sas-sena l-oħra.
Is-semmiegħa tal-Calypso kienu jisimgħu dan l-istazzjoni għal medja ta’ 4.6 sigħat. Is-semmiegħa tal-ONE semgħu għal medja ta’ 3.97 sigħat, tal-Campus 3.39 sigħat u ta’ NET FM 3.26 sigħat.
Min-naħa l-oħra iżda, f’eżerċizzju li għamlet l-Awtorità tax-Xandir meta tgħaqqad l-udjenza kif ukoll l-ammont ta’ ħin illi l-udjenza jsegwu r-radju, ONE Radio jaqbeż il-kompetituri tiegħu waħda sew.
Fil-fatt fl-2017 meta tgħaqqad l-udjenza mal-ħin is-somma tal-ONE, ir-radju tal-Partit Laburista, kienet 22.6% fi Frar, 24.7% f’Lulju u 18.8% f’Ottubru. Il-Bay Radio kellu 11.5% fi Frar, 11.4% f’Lulju u 20% f’Ottubru. NET FM, ir-radju tal-Partit Nazzjonalista kellu total ta’ 9.9% fi Frar tas-sena l-oħra, 6.1% f’Lulju u 8% f’Ottubru.
Meta tgħaqqad ħin u udjenzi, fost l-inqas stazzjonijiet lokali popolari hemm X FM, Campus FM u Smash Radio, 1.4%, 1.3% u 2.5% rispettivament.
U finalment, dwar ir-radju l-maġġoranza assoluta tal-Maltin isegwu stazzjonijiet lokali biss, 5.7% jsegwu stazzjonijiet ta’ barra biss u 23% jsegwu t-tnejn.