Steward tiskrutinizza l-kuntratti qosra li qed jingħataw ħaddiema fl-Isptar ta’ Għawdex
Wara dak li żvelat il-gazzetta ILLUM ħmistax ilu, il-kumpanija Steward Health Care bdiet proċess biex tanalizza kuntratti li jiġġeddu xahar b’xahar jew kull ftit xhur u li qed jingħataw lil skrivani li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex
minn Yendrick Cioffi
Wara li fit-18 ta’ Novembru din il-gazzetta żvelat kif skrivani fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed jitħaddmu b’kuntratti li jiġġeddu xahar b’xahar jew inkella kull ftit xhur, illum tista’ tikkonferma li t-tmexxija tal-kumpanija Steward Health Care Malta qed tiskrutinizza dawn il-kuntratti.
Anke jekk il-partiti politiċi għażlu li jinjoraw u ma jikkummentawx dwar il-kuntratti li qed jingħataw lil dawn il-ħaddiema, il-gazzetta ILLUM baqgħet tistaqsi jekk dawn il-kuntratti qosra, anke jekk legali, humiex aċċettabbli.
Għal dawn il-mistoqsijiet, kelliema għal Steward Health Care wieġbet li għaddejjin diskussjonijiet dwar dawn il-kuntratti “bl-għan li fil-futur qrib jingħataw kuntratti itwal” lil dawk il-ħaddiema li qed jitħaddmu b’kuntratti li jiġġeddu kull ftit xhur.
Mistoqsija jekk dan ifissirx li Steward tkellmet mal-kumpanija Signal 8 Security Services Malta Ltd, li fl-2016 rebħet tender tal-Gvern biex tipprovdi skrivani fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, liema kumpanija qed tagħti kuntratti qosra lil uħud mill-ħaddiema, il-kelliema ta’ Steward qalet li f’dan l-istadju, id-diskussjonijiet kienu interni, jiġifieri bejn it-tmexxija tal-kumpanija.
Din il-gazzetta reġgħet għamlet kuntatt mal-ħaddiema li kienu tkellmu magħha u li saħansitra wrewha l-kuntratti qosra li qed jingħataw. Minkejja li għaddew ġimagħtejn minn meta l-gazzetta ILLUM żvelat din l-aħbar, ħadd għadu ma kellimhom.
Kulħadd qabel li dawn il-kuntratti mhux irrakkomandat
Il-liġi kif inhi bħalissa tistipola li impjegatur jista’ jagħmel sa erba’ snin jimpjega ħaddiem b’kuntratt li jiġġedded xahar b’xahar. Wara li jgħaddu erba’ snin, il-kuntratt awtomatikament jinbidel f’wieħed indefinit.
Il-gazzetta ILLUM kienet ikkonfermat dan kemm mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg u anke mal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u għall-Ugwaljanza li kien insista li minkejja li legali, dawn il-kuntratti la huma mixtieqa u lanqas irrakkomandati.
Fil-fatt, meta l-gazzetta ILLUM kienet għamlet kuntatt mad-Direttur tal-Kumpanija Signal 8, Joseph John Grech, filwaqt li kkonferma li hemm ħaddiema li għandhom kuntratti definiti qosra, insista li hu mhu qiegħed jagħmel xejn kontra l-liġi.
Madanakollu, kemm is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja u anke l-Kap Eżekuttiv tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin, Josef Vella, filwaqt li t-tnejn li huma qalu li jafu b’impjegati li jingħataw kuntratti definiti qosra ħafna, insistew li dawn it-tip ta’ kuntratti jfissru biss inċertezza għall-ħaddiema li ma jkunu jistgħu jippjanaw xejn fit-tul.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-Malta Employers’ Association (MEA), Joe Farrugia, filwaqt li wkoll insista li dawn il-kuntratti mhux irrakomandati, kien saħaq li jkun hemm każi fejn impjegatur ma jkollux għażla oħra.
Spjega kif ikun hemm kuntratturi li jingħataw kuntratti għal perjodu qasir ħafna, anke mill-Gvern, u għalhekk mhux dejjem ikun jista’ jintrabat li jagħti kuntratt twil lill-ħaddiema tiegħu.
Kien għalhekk li appella biex kemm jista’ jkun, kuntratturi ma jingħatawx kuntratti qosra. “Jekk proġett se jieħu erba’ snin, għalfejn tagħti kuntratt lill-kuntrattur li jiġġedded kull sitt xhur jew kull sena?” staqsa d-Direttur Ġenerali tal-MEA.
Madanakollu, kien insista li jitħasseb serjament meta sid ta’ stabbiliment, jew inkella xi ristorant, li x-xogħol tiegħu ma jiskadix b’kuntratt, jagħżel li jimpjega wejter b’kuntratt li jiġġedded kull ftit xhur.
Imma l-liġi tista’ tinbidel?
Iżda ġaladarba, skont il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropew u għall-Ugwaljanza dawn il-kuntratti “mhux mixtieqa u lanqas irrakkomandati,” il-liġi ma tistax tinbidel?
Il-gazzetta ILLUM kienet għamlet din il-mistoqsija lill-istess Ministeru li min-naħa tiegħu, filwaqt li ma kkommettiex ruħu, insista li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar emendi fil-liġi tax-xogħol u li anke dawn il-kuntratti huma suġġett għad-diskussjoni u l-konsultazzjoni.
Din il-gazzetta kienet bagħtet ukoll tistaqsi direttament lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li għażel li ma jweġibx u minflok talabna ngħaddu l-mistoqsijiet tagħna lill-Ministeru ta’ Helena Dalli.