Delia qal li għandu viżjoni ... din il-viżjoni fejn se teħodna?

 L-ILLUM tati ħarsa lejn id-dokument li l-Partit Nazzjonalista ressaq waqt il-Kunsill Ġenerali tiegħu. X’qed jipproponi? Imma jistgħu jitwettqu l-proposti? Fejn għamel proposti tajbin? U fejn kien vag?

Il-Kap tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Ħmistax ilu, il-Partit Nazzjonalista organizza l-Kunsill Ġenerali tiegħu illi fih, apparti d-diversi diskorsi li saru tressaq dokument bl-isem ‘Ġid għal kulħadd, f’soċjetà li jimpurtaha.’ Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia ħeġġeġ lin-nies li kienu qed isegwuh biex jaqraw dan id-dokument biex b’hekk jaraw x’inhi l-viżjoni tal-PN li dwarha se jduru d-diversi miżuri li suppost il-PN se jkun qed iressaq sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn dan id-dokument u analizzat il-parti fejn il-PN qed joffri dik li qed isejħilha bħala viżjoni tiegħu. F’dan l-ispazju qed nanalizzaw din il-parti tad-dokument billi nitfgħuha f’kuntest u nistaqsu l-mistoqsijiet li tqajjem l-istess viżjoni.

Immigrazzjoni; Tajjeb...imma kif?

Huwa ċar illi l-PN immexxi minn Adrian Delia qed jara l-kwistjoni tal-immigrazzjoni bħala tappa importanti li tista’ trebbħu l-voti. Probabilment wasal għal din il-konklużjoni bbażżat fuq il-fatt li 1) madwarna u anke lil hinn, elezzjonijiet/referenda ntrebħu jew intilfu fuq din il-kwistjoni. Biżżejjed naraw kif Trump fl-Istati Uniti u dawk li riedu l-Brexit rebħu, minkejja kull previżjoni l-kontra. Fil-Ġermanja Merkel jingħad illi tilfet ħafna voti minħabba dak li hemm minn jgħid illi kien ‘open door policy’ għall-immigranti, filwaqt li t-Taljani tellgħu Gvern fuq l-għajta (li qed jesegwixxi) li jagħlaq il-kosta u ma jħallix iktar immigranti jidħlu fil-pajjiż. Fl-Ungerija l-Prim Ministru Orban qed jitkellem b’qawwa fir-rigward tal-immigrazzjoni, filwaqt li fl-Awstrija l-lemin estrem huwa parti mill-Gvern.

Lokalment u f’żoni partikolari b’mod speċjali, l-indifferenza, antipatija jew f’każi anke mibgħeda lejn l-immigranti, mhix neċessarjament l-eċċezzjoni u għalkemm m’għandniex studji f’idejna li jikkonkludi dan huwa fatt innegabbli illi t-tgergir mhuwiex ftit f’postijiet bħall-Marsa, Ħamrun, Birżebbuġa u Buġibba/Qawra.

Imma kif se jindirizza dan it-tħassib il-PN?

Imma x’inhi l-viżjoni tal-PN ikkumparata mal-viżjoni tal-PM għal pajjiż kożmopolitan?

Għall-għajta ta’ pajjiż kożmopolitan, il-PN qed isejjaħ għal immigrazzjoni “intelliġenti.” Id-dokument jgħid li “l-pjan dwar l-immigrazzjoni jrid jitfassal b’għarfien sħiħ tal-effetti kollha, f’ammonti raġunati li jiflaħ il-pajjiż u f’tipi li għandna bżonn.”

Skont ċifri mogħtija fil-Parlament mill-Ministru Evarist Bartolo, f’Malta hawn kważi 43,000 ħaddiem barrani (nies f’impjieg legali). Minn dawn, 30,564 huma ħaddiema li ġejjin minn pajjiż ieħor fl-UE u 12,407 minn pajjiżi barra l-UE. Minn dawn it-30,564, 7,778 huma Taljani (947 fl-2011), kważi 5,000 ħaddiem ġejjin mir-Renju Unit, 2,439 huma Bulgari, 1,090 huma Ġermaniżi, 1,592 huma Ungeriżi u  1,359 huma Żvediżi. Dawn iċ-ċifri jkopru sal-aħħar tas-sena l-oħra.

Dwar dawn Gvern, ikun min ikun, ma jista’ jagħmel assolutament xejn għaliex dawn għandhom kull dritt ikunu pajjiżna, kemm jekk għandhom xogħlijiet li għandna bżonn u anke jekk le.

L-immigrazzjoni selettiva sa ċertu punt diġà qed issir. Ix-xufiera fit-trasport pubbliku, ħafna minnhom mill-Pakistan, jew inkella l-carers, ħafna minnhom mill-Filippini jew inkella infermieri, jew bennejja kollha ġew jew inġiebu f’pajjiżna selettivament biex jimlew postijiet tax-xogħol li kien se jkun diffiċli li nimlew minħabba kwistjoni ta’ riżorsa u kwalifiċi. Jiġifieri diġà qed ikollna din l-immigrazzjoni “speċjali”.

Kif se jisfida s-suq ħieles?

Il-PN jgħid hekk; “...biex il-ħaddiema barranin jtejbu l-pagi tal-ħaddiema Maltin f’ekonomija ta’ kwalità u mhux iwaqqgħuhom.”

Interessanti li naraw, hekk kif jgħaddi ż-żmien kif se jwettaq dan il-Partit Nazzjonalista, f’suq ħieles, jekk ikun elett fil-Gvern.

L-għan huwa mill-aktar nobbli ħa nkunu ċar. Imma ejja nagħtu eżempju: Tony, huwa sid ta’ kumpanija li tħaddem 10 minn nies. Kull persuna jħallasha €8 fis-siegħa. Wieħed mill-impjegati jirtira u minfloku japplika Tuneżin li lest jirċievi ħlas ta’ €6. Is-sid jaċċetta u jħallsu dak l-ammont.

Awtomatikament it-total u anke l-medja tal-pagi f’dik il-kumpanija waqgħet. L-effett l-ieħor jista’ jkun ukoll illi jekk dan il-ħaddiem Tuneżin huwa effiċjenti daqs il-Maltin, is-sid mhux se juri ebda ħeġġa biex iżid il-pagi ’l fuq minn dik it-€8.

Issa immaġinaw dan jiġri f’kull kumpanija fil-pajjiż. Naturalment dan se jfisser illi s-saħħa tal-pagi se tonqos u li l-pagi jistabbilizzaw iktar milli jogħlew.

Anke jekk allura qed naċċettaw din is-sitwazzjoni u qed naqblu allura li l-effett ta’ influss ta’ ħaddiema barranin jista’ jkollu l-effett ta’ stabbilizzar fil-pagi, xorta tibqa’ mistoqsija pertinenti dik ta’ ‘kif?’

L-għażliet li diġà hemm fuq il-mejda... imma mill-GWU

L-għażliet li għandu l-PN, għalkemm mhux qed jispeċifika fid-dokument, fost oħrajn huma li jagħmel tiegħu proposta tal-General Workers Union illi dejjem ikun hemm ħlas ugwali għal xogħol ugwali, anke fil-każ ta’ ħaddiema tal-kuntrattur. B’hekk min iħaddem ikun obbligat li jħallas l-istess paga lil kulħadd u l-kuntrattur iħallas il-pagi tal-post tax-xogħol. Jiġifieri jekk segretarja f’kumpanija ‘X’ taqla’ €10 fis-siegħa, segretarja f’dak l-istess post tax-xogħol imma mħaddma bil-kuntrattur trid titħaddem l-istess.

Ta’ min il-Partit Nazzjonalista jieħu nota tal-istorja li ppubblikajna ġimagħtejn ilu u li fiha żvelajna kif ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, impjegati ma’ Signal 8, qed jitħaddmu b’kuntratti xahar b’xahar jew xahrejn b’xahrejn, prattika li jekk ma tridx hija legali.

Naturalment dak li qed jgħid il-PN huwa tajjeb, speċjalment meta jsostni li l-ekonomija Maltija m’għandhiex titħaddem biċ-cheap labour. Imma anke hawn il-PN jeħtieġ jibda juri aħjar kif dan se jagħmlu; fi kliem ieħor kif se jogħlew il-pagi ta’ dawk kollha li huma; cleaners, ħaddiema tas-sigurtà, carers, bennejja, waiters, ħaddiema f’lukandi, ħaddiema fil-ħwienet u diversi oħrajn li għandna nifhmu li kienet qed tirreferi għalihom Yana Mintoff, meta semmiet iċ-cheap labour. Kif se jiżdiedu l-pagi, lil hinn mill-ftehim kollettiv li jsir ma’ unjin?

Kunsilli Lokali; proposti tajbin

Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel diversi proposti tajbin fil-qasam tal-Kunsilli Lokali. Filwaqt li jappella biex jsiru aktar ‘night’ shelters u ċentri ta’ matul il-jum, il-partit qed jappella wkoll biex parti mit-taxxi, fosthom liċenzji, VAT u bed tax jibqgħu fil-lokalità. Fil-fatt din il-proposta tagħmel ħafna sens għaliex iż-żieda fit-turiżmu biex nieħdu eżempju, titfa’ aktar pressjoni fuq l-infrastruttura tal-lokalità.

Ħlas lura fi flus ‘misruqin’ mill-kontijiet. Déjà vu!

Lura fl-Oppożizzjoni Joseph Muscat kien wiegħed illi se jagħti lura l-flus li diversi nies kienu ħallsu f’VAT fuq il-karozzi li kienu xtraw fuq medda ta’ snin. Kienet wegħda popolari, populista u fattibbli li m’hemmx dubju illi attirat xi ftit voti lejn il-Partit Laburista. Il-Partit Laburista kien ħadem il-wegħda tajjeb b’avveniment ta’ relazzjonijiet pubbliċi eċċellenti illi fih kju enormi ta’ nies inġabru biex jiffirmaw isimhom għal dan il-ħlas lura.

Il-wegħda ta’ Delia hija xi ftit ta’ déjà vu f’dan is-sens, speċjalment fi-dawl tal-fatt illi l-Gvern ammetta illi saru żbalji.

B’differenza iżda, il-Partit Laburista fil-Gvern għadu kapaċi jimmanuvra tajjeb u b’mod flessibbli biżżejjed biex fejn hemm żball jirranġah u ma tkun sorpriża xejn illi l-Gvern jiġbed it-tapit minn taħt saqajn il-PN u l-flus li tħallsu żejda jagħtihom hu.

Turiżmu: diżappuntanti

It-turiżmu jibqa’ wieħed mill-akbar jekk mhux l-akbar settur ekonomiku f’pajjiżna.

Huwa xi ftit diżappuntanti li fuq dan is-suġġett il-Partit Nazzjonalista rriżerva biss paragrafu.

Filwaqt li l-PN għandu raġun jirrimarka kif ħafna mill-proġetti infrastrutturali ta’ pajjiżna saru minn Gvern  Nazzjonalista, id-dokument isemmi biss il-bżonn ta’ pjan u strateġija.

Huwa nieqes mill-ispeċifikazzjoni ta’ niċeċ differenti fosthom; it-tagħlim tal-lingwa Ingliża u d-direzzjoni li se jieħu dan is-settur, it-turiżmu reliġjuż li għadu niċċa li għadna ’l bogħod milli nirrealizzaw il-potenzjal tiegħu, it-turiżmu kulinari, it-turiżmu tal-għaddasa, it-turiżmu LGBTIQ bħala sotto niċċa tat-turiżmu tat-tiġijiet f’pajjiżna, it-turiżmu permezz tal-cruises. Id-dokument ma jsemmix anqas swieq ġodda u kif nistgħu nirrealizzaw aħjar il-potenzjal tagħhom primarjament iċ-Ċina, il-Korea ta’ Isfel, il-Brażil u l-Istati Uniti.

B’hekk il-viżjoni tal-PN fuq it-turiżmu għadha waħda pjuttost fqira u mhux qed tagħti biżżejjed l-alternattiva meħtieġa għas-sitwazzjoni ta’ bħalissa li qed tara rekords kbar fis-settur. 

L-ambjent; pedament tajjeb

Dwar l-ambjent il-Partit Nazzjonalista jidher li qed jibni pedament tajjeb billi jorbot il-ħarsien tal-ambjent mal-bżonn ta’ pjan li jissalvagwardja l-agrikoltura. Jekk il-PN jirnexxilu jsib dan il-bilanċ, ikun laħaq l-aħjar bilanċ għall-ambjent fl-aħħar snin.

Hemm bżonn qawwi ta’ aktar sostenibbiltà fil-biedja u aktar ħarsien u promozzjoni tal-prodott Malti. Dan biss jista’ jsalva l-art agrikola li għad fadlilna minn mewta ċerta u allura l-qerda tal-kampanja.

Sfortunatament il-PN ma jispeċifikax setturi differenti u jibqa’ vag. Però wieħed jista’ joħloq inċentivi favur il-vitikultura biex għelieqi mitluqin isiru għelieqi tad-dwieli, inċentivi favur it-tkabbir tal-bajtar li għandu potenzjal ekonomiku kbir, inċentivi biex nibdew nagħmlu użu mill-ħarrub li minnu jista’ jkun prodott ġulepp li jista’ jinbiegħ bi prezzijiet tajbin ħafna f’pajjiżi ’l bogħod mill-Ewropa u aktar.

Pensjonijiet u faqar; COLA oħra?

Ir-rapport tal-PN jindika illi jista’ jinħoloq mekkaniżmu ġdid illi permezz tiegħu l-infieq tal-pensjonanti jkun partikolarment ikkalkulat. Għalkemm dan mhux ċar, wieħed jista’ jeħodha illi l-PN qed jipproponi tip ta’ COLA ġdida għall-pensjonanti biss li tagħti aktar toqol lil spejjeż mediċi, pereżempju.

Il-PN jgħid hekk; “aħna rridu ekonomija li minnha jgawdi kulħadd, l-aktar dawk vulnerabbli... pjan fit-tul iniedi miżuri tassew effettivi biex jindirizzaw l-għafsa fuq il-pensjonijiet, il-politika tal-pagi baxxi...”

Idea tajba. Imma għal darb’oħra x’se jagħmel differenti minn dak li qed jagħmel il-Gvern preżenti li qed iżid il-pensjonijiet fil-Baġit? Se jdaħħal it-tieni pilastru u allura jintroduċi aktar ħlas fuq kull min jaħdem biex jagħmel tajjeb għal inqas pensjoni?

F’xenarju illi fih Delia jixtieq li nkunu inqas iffullati u allura jkollna inqas barranin, dan ikun ifisser illi jkollna anqas nies qed jikkontribwixxu għad-dħul tal-pajjiż u allura jkollna inqas bolla mħallsa. Għalkemm kif jgħid il-PN il-barranin mhumiex soluzzjoni dejjiema għad-dħul u l-pensjonijiet, xorta huma soluzzjoni għal issa u għaż-żmien li ġej.

Il-ħarsien tal-ħajja: pożizzjoni ċara

Wieħed mill-pilastri ewlenin tad-dokument tal-Partit Nazzjonalista hija dik li tgħid illi li “l-ħarsien tal-ħajja f’kull ċirkostanza”. Dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kontra l-abort, kif inhuma l-partiti kollha, imma li se jreġġa’ lura l-bidliet li seta’ għamel dan il-Gvern, bħall-possibilità li mara tiffertilizza aktar bajdiet u li dawn jibqgħu ffriżati sa ċerta żmien.

Din il-pożizzjoni ma jaqbilx magħha kulħadd, speċjalment votanti liberali u femminili. Bosta jirrigwardawha bħala pożizzjoni insensittiva. Imma daqstant ieħor hemm min jaqbel. Il-pożizzjoni tal-PN hawn hi ċara, ta’ prinċipju ċar li jagħmlu differenti mill-prinċipju li jħaddan il-Gvern Laburista, fejn tidħol l-aspett tal-ħajja fi stat embrijoniku.

Fuq nota strettament politika, u anke jekk bħala gazzetta ma naqblux ma’ ċerti pożizzjonijiet ta’ Adrian Delia, huwa pożittiv li l-PN jidentifika lilu nnifsu bħala partit differenti mill-PL.

Konklużjoni: mhux ħażin, imma għad fadal xi jsir

Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista ‘Ġid għal kulħadd f’soċjetà li jimpurtaha’ huwa attentat serju biex il-PN jibda jidher bħala alternattiva. Il-ktieb minnu nnifsu, bl-iskema ta’ kuluri magħżula, l-użu predominanti ta’ trabi jew tfal żgħar u żgħażagħ huwa sinjal illi kien hemm sforz ġenerali biex il-partit jidher professjonali

Fid-dokument iżda l-Partit Nazzjonalista baqa’ pjuttost vag u ħalla ħafna kliem fl-arja li jaqbel magħhom kulħadd imma li jfissru ftit. Huwa probabbli ħafna li kollox tħalla vag minħabba li l-ebda partit ma jaqbillu li juri wisq il-karti tant ’il bogħod minn elezzjoni ġenerali.

Sa dakinhar iżda l-viżjoni tal-PN se tibqa’ miktuba fuq ktieb sabiħ b’intenzjonijiet tajbin, iżda ftit li xejn spjegata b’mod li tħajjar votant ġodda jersqu u/jew jappoġġjaw lill-PN.

More in Politika