‘M’għandix kummenti’… Skiet mill-Pilatus dwar ir-revoka tal-liċenzja
Is-sidien u d-diretturi tal-Pilatus fadlilhom ċans sa għada biex jappellaw mid-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew
minn Yendrick Cioffi
Il-Bank Pilatus għandu ċans sa għada biex jappella mid-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li ħadlu l-liċenzja, iżda llum, jumejn qabel, is-sidien u d-diretturi tal-bank għadhom siekta dwar l-intenzjoni tagħhom.
Fil-11 ta’ Novembru li għadda, il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Avukat Jonathan Thompson, li qed jirrappreżenta lid-diretturi f’każ li kienu fetħu l-Qorti u staqsietu jekk il-Bank hux se jkun qed jappella mid-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dakinhar, l-Avukat Thompson kien qal li għadu mhux infurmat x’intenzjoni għandhom id-diretturi jew inkella s-sidien.
Nhar il-Ħamis li għadda, din il-gazzetta reġgħet għamlet l-istess mistoqsija lill-istess Avukat iżda din id-darba wieġeb biss li ma għandux kummenti x’jagħmel.
Skiet ukoll mis-Segretarju…
Ftit jiem biss wara li kienet irrevokata l-liċenzja, il-gazzetta ILLUM kienet bagħtet tistaqsi wkoll, fi tliet emails separati, lis-Segretarju tal-Kumpanija, Luis Felipe Rivea. Din il-ġimgħa reġgħet bagħtitlu l-istess sett ta’ mistoqsijiet iżda għal darb’oħra, sakemm morna għall-pubblikazzjoni, ma rċevejna l-ebda tweġiba.
L-ILLUM kienet ippruvat tagħmel kuntatt mad-diretturi u mas-sidien biex tistaqsihom direttament jekk il-Bank Pilatus hux se jappella mid-deċiżjoni, iżda kemm il-linji tat-telefowns u anke s-sit tal-Bank ma għadhomx jaħdmu.
Skont l-Artiklu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE), kwalunkwe bank li l-Bank Ċentrali Ewropew ikun ħadlu l-liċenzja jista’ jappella d-deċiżjoni. L-istess Artiklu jgħid ukoll li “istituzzjoni ta’ kreditu tista’ wkoll teżerċita d-dritt li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”
Għalhekk, kemm id-diretturi u anke s-sidien tal-Bank Pilatus għandhom ċans sa nhar l-Erbgħa biex jappellaw mid-deċiżjoni.
…hekk kienu għamlu tan-Nemea
Fil-fatt, hekk kienu għamlu s-sidien tal-Bank Nemea f’Malta. Il-liċenzja ta’ dan il-Bank, li kien jopera online biss, kienet ġiet irrevokata f’Marzu tal-2017, iżda s-sidien ta’ dan il-bank kienu appellaw mis-sentenza tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Fil-fatt, skont l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit tal-Bank Ċentrali Ewropew, id-deċiżjoni dwar dan l-appell għadha “pendenti.” Dan ifisser li sena u seba’ xhur wara r-revoka tal-liċenzja, il-kumpanija għadha ma ġietx likwidata, bil-klijenti jridu jistennew li jinqata’ l-appell biex jieħdu flushom lura.
Possibbli? Jappellaw?
L-ILLUM kienet analizzat x’possibbilità hemm li l-Bank Pilatus jappella mid-deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’sors infurmat sewwa fis-settur bankarju jisħaq li għalkemm id-deċiżjoni tibqa’ f’idejn id-diretturi jew is-sidien, hemm ċans kbir li l-Bank jappella.
Huwa spjega kif anke jekk b’ordni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), id-diretturi ma jistgħux imexxu l-bank, l-interess tal-kumpanija jibqa’ f’idejhom. Apparti minn hekk, fin-nofs hemm ukoll l-interess personali tagħhom.
“Immaġina tmur biex taħdem xi mkien u fuq is-CV għandek imniżżel li kont direttur ta’ bank li tteħditlu l-liċenzja,” kien saħaq is-sors.
Fil-fatt, f’dawn ix-xhur, id-diretturi ma baqgħux b’idejhom fuq żaqqhom. Il-ġurnal Times of Malta kien irrapporta kif id-diretturi tal-Bank Pilatus qed ifittxu lill-MFSA għad-danni u jisħqu li l-Awtorità kisritilhom id-drittijiet kostituzzjonali tagħhom meta ħadet passi kontra l-bank qabel ma s-sid instab ħati.
Apparti minn hekk, il-kumpanija Pilatus Holdings LTD kienet saħansitra talbet lill-Qorti biex tieħu passi, għax fi kliemha ma jistax ikun li Lawrence Connell, il-persuna magħżula mill-MFSA biex jamministra l-assi tal-Bank, jibqa’ jieħu €100,000 f’pagi kull xahar, għalih u għall-istaff tiegħu.
Iżda mhux hekk biss. L-istess sors kien saħaq li effettivament, Ali Sadr Hasheminejad, anke jekk b’idejh marbuta, għadu s-sid tal-bank u għandu ċans kbir li jappella biex il-liċenzja ma tkunx revokata, aktar u aktar għax x’aktarx l-għajxien tiegħu jiddependi mill-Bank Pilatus.
Għalfejn ittieħdet il-liċenzja tal-Bank?
Anke jekk il-Bank kien involut f’sensiela ta’ kontroversji f’Malta, it-talba biex tiġi rrevokata l-liċenzja ttieħdet wara li Hasheminejad, is-sid tal-Bank Pilatus, kien arrestat f’Marzu li għadda, akkużat li pprova jevadi sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-Iran.
L-akkuża ddur ma’ żewġ kumpaniji li Hasheminejad ħoloq biex allegatament jgħattu l-fatt li parti mill-flus li kienu deħlin fihom kienu qed imorru għand kumpaniji jew persuni Iranjani, kontra l-liġi tal-Istati Uniti.
Fil-fatt, Hasheminejad qed ikun akkużat b’konfoffa biex ikunu ffrodati l-Istati Uniti, b’konfoffa biex jikser is-sanzjonijiet imposti fuq l-Iran mill-Istati Uniti, bi frodi tal-bank, b’konfoffa biex isir frodi tal-bank, b’ħasil tal-flus u għadd ta’ akkużi oħra.
B’kollox, il-piena massima li jista’ jeħel hija dik ta’ 125 sena ħabs.
Il-każ għadu għaddej għalkemm Hasheminejad ingħata l-libertà kkundizzjonata.