'Delia għandu jirreżenja fl-interess nazzjonali' - Occupy Justice

Jikkritikaw ukoll ir-reazzjoni tal-Prim Ministru u jsejħulha disgustanti

Attivisti ta’ #occupyjustice saħqu li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tilef il-kredibilità kollha u fl-interess nazzjonali għandu jirriżenja immedjatament.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak żvelat ilbieraħ, jiġifieri li Delia, qed ikun investigat dwar rabtiet ma' ċirku ta' ħasil ta’ flus li kienu ġejjin mill-prostituzzjoni, l-attivisti saħqu li biex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tkun tista’ tkompli, il-Kap Nazzjonalista għandu jirriżenja minnufih.

“Kull min ikun suspsettat li huwa involut f’attività kriminali ma għandu l-ebda post f’pożizzjoni pubblika,” kompliet l-istqarrija.

Huma rreferew ukoll għar-reazzjoni tal-Prim Ministru u ddeskrivewha bħala “disgustanti,” għax fi kliemhom qed jiddefendi lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

“Liema Prim Ministru ma jkunx irid li jirriżenja l-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ pajjiżu jekk ikun suspettat b’ħasil ta’ flus?” staqsew l-attivisti waqt li saħqu li l-Prim Ministru qed jagħmel minn kollox biex jiddefendi ġildu.

Temmew jisħqu li l-ġustizzja f’Malta tista’ ssir biss jekk jirriżenja l-Prim Ministru u miegħu Konrad Mizzi u Keith Schembri, li fi kliem l-attivisti ma huma xejn ħlief 'ħallelin' li qed jisirqu lill-poplu.

More in Politika