Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli qal li l-aħbar li Adrian Delia qed ikun investigat dwar rabtiet ma' ċirku ta' ħasil ta’ flus li kienu ġejjin mill-prostituzzjoni, hija biss ‘spin’ li ħarġet minn Kastilja.
Mistoqsi minn ġurnalist tal-MaltaToday dwar din l-aħbar, Clyde Puli insista li l-għan ta’ din l-istorja, li insista li ħarġet minn Kastilja, kienet intiża biex tgħatti l-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri, għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Prim Ministru fl-aħħar jiem, qed ikunu investigati direttament dwar ir-rabta tagħhom mal-kumpanija 17 Black.
“Kumbinazzjoni din l-istorja tingħata lill-midja wara attakki qawwijin fuq 17 Black,” insista Clyde Puli. "L-investigazzjoni dwar Delia suppost ilha għaddejja minn Marzu u ħadd ma jaf xejn dwarha."
Puli insista li apparti minn hekk, ir-rapport ta’ The Sunday Times of Malta jgħid ċar li mhuwiex Delia li qed ikun investigat iżda persuna li hu kellu konnessjoni miegħu bħala avukat.
Mistoqsi jekk bl-istess kejl li l-Partit Nazzjonalista qed juża meta jitlob għar-riżenja ta’ Mizzi u Schembri, Delia għandux jirriżenja, is-Segretarju Ġenerali insista li r-rapport jagħmel referenza għall-“klijent tal-klijent ta’ Delia.” Fakkar li Delia ċaħad kategorikament li kien involut f’każijiet ta’ flus.
“Ma hemmx provi. Sempliċiment spin. Fil-każ ta’ Mizzi u Schembri u 17 Black hemm fatti dwarhom u li huma ċari,” insista Puli.