"L-ebda bully ma jbeżżagħni.” Hekk qalet id-Deputat tal-Partit Demokrariku Marlene Farrugia b’reazzjoni għal kummenti li għadda l-Ministru Chris Cardona fil-Parlament ilbieraħ.
Ftit qabel ma bdiet id-diskussjoni dwar ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-power station, waqt li kien għaddejj batibekk min-naħa għall-oħra tal-Parlament, il-Ministru Cardona nstema’ jgħid “ġejja tiegħek,” fil-konfront ta’ Marlene Farrugia.
Dlonk qam id-Deputat Godfrey Farrugia li talab lill-Ispeaker biex jieħu passi għax fi kliemu, dan kien kliem ta’ theddid, anke jekk Cardona ċaħad li kien b’xi mod qed jhedded.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li l-bulliżmu ma għandu l-ebda post imkien, aktar u aktar fil-Parlament
“Kliem ta’ mibegħda u bulliżmu, b’mod speċjali kontra n-nisa, huma rampanti f’Malta l-aktar fuq il-midja soċjali. Huwa dirett lejn il-politiċi, il-ġurnalisti u l-attivisti. Ftit li xejn qed isir mill-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista biex dan jitwaqqaf,” insistiet Farrugia.
L-istqarrija tkompli tgħid li eżempju ċar ta’ dan huwa grupp fuq Facebook “Laburisti sal-Mewt,” li skont il-PD, huma mimli attakki fuq Deputati tal-Oppożizzjoni, kritiċi tal-Gvern u attivisti.
“La l-Prim Ministru u lanqas il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma kkundannaw l-użu ta’ dawn il-gruppi,” temmet tgħid l-istqarrija.