Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May tilfet tliet voti importanti dwar il-ftehim li l-Gvern Ingliż innegozja mal-Unjoni Ewropea dwar Brexit.
Dan wara li ntemmet l-ewwel ġurnata ta’ dibattitu jaħraq li baqa’ għaddej saħansitra sas-sigħat bikrin ta' dalgħodu.
Fost oħrajn, il-Membri Parlamentari vvotaw favur li jkollhom sehem dirett f'dak li jista' jiġri jekk il-Parlament jivvota kontra l-ftehim.
Id-dibattitu jkompli llum, bil-Ministri jippruvaw jiġbru kemm jista’ jkun l-appoġġ tal-Membri Parlamentari għall-ftehim ta’ Theresa May.
Is-Sigurtà se tkun it-tema ta’ dan it-tieni jum ta' dibatittu, minn ħamsa, li se jwasslu għall-vot kruċjali ta’ nhar it-Tlieta li ġej.
Il-ftehim intlaħaq qbil dwaru mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea iżda jeħtieġ ukoll il-vot tal-Parlament Ingliż biex ikun jista’ jidħol fis-seħħ.