'Ma nafx x'inhi u ma naf xejn dwar 17 Black'

17 Black, l-Electrogas, il-Panama, il-futur tiegħu fil-politika u l-Air Malta. Konrad Mizzi intervistat minn Saviour Balzan waqt Xtra

Il-Ministru Mizzi illum waqt Xtra. Ritratt | James Bianchi
Il-Ministru Mizzi illum waqt Xtra. Ritratt | James Bianchi

 “Jiena ma kont naf xejn dwar 17 Black u għadni sal-lum ma nafx x’inhi jew ta’ min hi."

Dan kien kliem il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi waqt intervista esklussiva fuq il-programm Xtra li matulu tkellem mhux biss dwar l-allegazzjonijiet li dawruh tul is-snin li ilu fil-politika iżda anke dwar il-futur tiegħu.

Mistoqsi minn Saviour Balzan dwar il-kumpanija 17 Black, li skont dokumenti ppubblikati mill-Proġett Daphne, hija deskritta bħala waħda mit-‘target clients,” biex tħallas lilu u liċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, fil-kumpaniji li kienu fetħu fil-Panama, il-Ministru Mizzi tenna li ma għandu l-ebda konnessjoni diretta jew indiretta la ma’ 17 Black u lanqas mal-kumpanija l-oħra f’Dubaj Macbridge, li s-sid tagħha jibqa’ mhux magħruf.

“Bħal ma ġara fil-każ tal-Egrant, nagħtu ċans lill-inkjesta…konvint li l-verità se toħroġ,” insista Mizzi.

Skont l-istess rapport tal-Proġett Daphne, fil-kumpanija 17 Black, kienu daħlu, fost oħrajn, €161,000 mill-kumpanija Orion Engineering, li s-sid tagħha huwa Mario Pullicino, li huwa l-aġent lokali li qed jissupplixxi l-LNG lill-power station il-ġdida.

Apparti minn hekk, fl-aħħar ġimgħat, rapporti fuq The Times of Malta u Reuters qalu li s-sid tal-kumpanija 17 Black huwa Yorgen Fenech, direttur ta’ ElectroGas Malta LTD, il-kumpanija li bniet u li qed tmexxi l-power station ta’ Delimara, proġett li isem Konrad Mizzi huwa marbut miegħu.

                       Aqra wkoll: 17 Black x'inhi? Pass, pass dak li ġara s'issa...

Kien għalhekk li l-intervista ma setgħetx ma tistaqsix lil Konrad Mizzi dwar dan il-proġett, ir-rapport riċenti tal-Awditur Ġenerali u l-kritika tal-Oppożizzjoni.

B’referenza għall-kritika u l-allegazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, jiġifieri li kollox kien mifthiem minn qabel l-elezzjoni biex “jinsteraq il-poplu,” il-Ministru Mizzi ċaħad kategorikament li nnegozja jew kellu laqgħat mal-ElectroGas jew ma xi entità mill-Ażerbajġan, qabel l-elezzjoni tal-2013.

“Ma kien hemm l-ebda backroom dealings,” insista l-Ministru Mizzi.

U kif wieġeb dwar Brian Tonna?

Skont ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, Brian Tonna kien qed imexxi wieħed mill-bordijiet fil-proċess li għażel il-kumpanija li kellha tibni l-power station.

Brian Tonna, ta’ Nexia BT, kien dak li għen lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Keith Schembri biex setgħu jiftħu l-kumpaniji fil-Panama. Seta’ dan kellu xi kunflitt ta’ interess?

Duru mad-dinja kollha u araw jekk ħadtx ċenteżmu mill-korruzzjoni

Il-Ministru Mizzi insista li dak iż-żmien kien għadu qed isir jaf lil Brian Tonna u saħaq li ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejn il-pożizzjoni tiegħu fuq dan il-bord u l-kumpanija fil-Panama.

“Nistieden lill-ġurnalisti. Duru mad-dinja kollha u araw jekk ħadtx ċenteżmu mill-korruzzjoni,” insista l-Ministru Mizzi.

Imma n-nies għalfejn għandhom jemmnu lil Konrad Mizzi?

Għal din il-mistoqsija, il-Ministru Konrad Mizzi għamel referenza għal allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu u li dwarhom ma rriżulta xejn.

“Mill-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja irriżulta li ma kelli l-ebda kont fil-Bank Pilatus,” saħaq il-Ministru. “Darba dħalt fl-istess binja, mhux għal Pilatus iżda biex inżur is-Shanghai Electric Power li l-uffiċini tagħhom jinsabu fl-istess binja.”

U dwar il-garanzija li l-Gvern ta lill-ElectroGas x’qal?

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jsemmi wkoll il-garanzija ta’ €110,000,000 u li aktar tard żdiedet għal €450,000,000, li ħareġ il-Gvern biex tassisti lill-ElectoGas fil-bini tal-powerstation.

Anke jekk l-Awditur Ġenerali insista li din ma kinitx in-norma, il-Ministru Konrad Mizzi qal li din l-offerta ngħatat lill-bidders kollha għal dan il-proġett. Fakkar li dak iż-żmien, l-Enemalta kienet qed tagħmel telf ta’ €100,000,000 fis-sena u li dan beda jbeżża’ lil dawk interressati.

Spjega, li kien għalhekk li l-Gvern ta l-kunsens biex tinħareġ din il-garanzija sakemm il-Kummissjoni Ewropea approvat is-Security of Supply Agreement.

“Kellna għażla, jew nagħtu l-garanzija temporanja, jew nistennew l-approvazzjoni tas-Security of Supply Agreement,” insista l-Ministru. “Kieku llum il-powerstation għadha qed tinbena.”

Kompla jisħaq li ladarba l-Kummissjoni Ewropea approvat is-Security of Supply Agreement, il-garanzija ma għadhiex teżisti u għal din il-faċilità, l-ElectroGas ħallset ’il fuq minn €11,000,000.

‘Minn dan il-proġett ma nstabet l-ebda korruzzjoni’

Kien hawn li l-Ministru Konrad Mizzi insista li minn dan il-proġett ma nstabet l-ebda korruzzjoni.

Fakkar li dan il-proġett kien approvat u mfaħħar mill-Kummissjoni Ewropea u li l-uniku ċamata qalagħha Simon Busuttil mingħand il-Kummissarju Maroš Šefčovič meta kkritika din id-deċiżjoni.

Anke jekk irrefera għal dawk li l-Partit Laburista qiegħed isejħilhom bħala nuqqasijiet min-naħa tal-Awditur Ġenerali fil-kalkoli tiegħu tal-prezz tal-enerġija mill-interconnector, il-Ministru Mizzi qal li huwa kuntent bil-fatti li ħarġu minn dan ir-rapport, fosthom li l-proġett kien bżonnjuż, li l-proċess kien trasparenti, li ma stajnix niddependu biss mill-interconnector u li ma sab l-ebda evidenza ta’ ftehim bejn l-ElectroGas u l-Partit Laburista qabel l-elezzjoni.

"In-nuqqasijiet li jsemmi l-awditur ma kellhomx x'jaqsmu mal-bid tal-Eletrogas...x’differenza mir-rapport dwar il-BWSC,” kompla l-Ministru waqt li semma wkoll investigazzjonijiet fuq Adrian Delia, Jason Azzopardi, David Casa u Beppe Fenech Adami. “Dawn huma vera każijiet serji.”

                 Aqra wkoll: L-NAO isemmi 'nuqqasijiet' dwar il-kuntratt lill-Electrogas

Konrad ġieli kkunsidra li jirriżenja?

Anke jekk kien hemm allegazzjonijiet dwar Konrad Mizzi li qatt ma ġew ippruvati, oħrajn kienu veri, fosthom li kien fetaħ kumpanija fil-Panama.

Mistoqsi jekk qattx ikkunsidra li jirriżenja jew inkella ntalabx jirriżenja, il-Ministru Mizzi la wieġeb iva u lanqas le. 

“Kont naf li ma sraqt lil ħadd. Il-Prim Ministru kien jaf bil-kumpanija għax iddikjarajtha fid-dikjarazzjoni tal-assi. Ma ħadd xejn lil ħadd,” kompla jisħaq.

Madanakollu kompla jgħid li beda jifhem li minħabba l-kritika li saret, kien ikun aħjar kieku qatt ma fetaħ il-kumpanija. “Illum ngħid aħjar ma saritx…filfatt għalaqtha,” insista l-Ministru.

Jien il-lealtà tiegħi hija lejn il-Prim Ministru u lejn il-poplu…kieku l-Prim Ministru qalli biex nirriżenja, kont nitlaq

“Jien il-lealtà tiegħi hija lejn il-Prim Ministru u lejn il-poplu…kieku l-Prim Ministru qalli biex nirriżenja, kont nitlaq,” saħaq il-Ministru.

Kompla jisħaq li għal dan huwa ħallas prezz politiku, mhux biss għax kellu jirriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista ftit sigħat wara li kien elett, imma anke għax tneħħilu l-portafoll tal-enerġija u l-konservazzjoni tal-ilma.

U kieku l-Partit Laburista mar ħażin? “Kieku kont nerfa’ r-responsabbilità…Imma żidna l-voti bla preċedent,” saħaq il-Ministru Konrad Mizzi waqt li 'ftaħar' aktar minn darba li hu żied fil-voti u li se jibqa' mfakkar għal dak li wettaq, fosthom it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, it-tnaqqis tal-emmissjonijiet u l-bidla li għaddiet minnha l-Enemalta.

“Jiena qiegħed hemm biex inwettaq il-bidliet,” qal Mizzi waqt li insista li ma jimpurtahx mit-titli. “In-nies jafuni bħala Konrad Mizzi.”

U l-futur ta’ Konrad Mizzi x’se jkun? Ħiereġ għall-politika?

“Iva se nerġa’ nikkontesta,” wieġeb Konrad Mizzi u determinat li jagħmel dan anke jekk sal-elezzjoni ġenerali li jmiss Joseph Muscat ma jkunx għadu mexxej tal-Partit Laburista.

“Ovvjament nixtieq li jibqa’ Joseph Muscat u qed nagħmel minn kollox biex jibqa' Joseph,” insista l-Mizzi.

Air Malta: ‘Għalfejn ma nħarsux ukoll lejn New York u Toronto’

Mistoqsi dwar il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, il-Ministru Konrad Mizzi insista li l-Air Malta se tasal.

“Bħala pajjiż se jibqa’ jkollna linja tal-ajru tagħna...u din se tkun l-Air Malta.”

Kien hawn li saħaq li l-Air Malta jekk trid tkompli tikber, trid tħares lejn ajruporti oħra.

“Għalfejn fi żmien tlieta, erba’ snin ma għandnix inħarsu lejn New York u Toronto u ajruporti oħra,” saħaq Mizzi.

Kompla jgħid, li l-Air Malta, fis-snin li ġejjin se tkun qed tbiddel ukoll il-flotta kollha tagħha, filwaqt li fix-xhur li ġejjin se tkun qed tagħmel qligħ żgħir.

“Qabel l-elezzjoni, se jkollna Air Malta differenti,” temm jgħid Konrad Mizzi.

More in Politika