Żagħżugħ Malti bla saqaf fuq rasu jammetti li seraq minn tlett iħwienet

14-il att ta' akkuża kontrieh fosthom li uża sikkina waqt is-serqiet f'Birkirkara, San Ġwann u Santa Venera...

Żagħżugħ Malti ta' 31 sena li m'għandux saqaf fuq rasu aċċetta l-ħtija ta' tliet serqiet, minn tliet supermarkets bl-użu ta' arma. 

Hu qed jiffaċċja 14-il att ta' akkuża: tliet akkużi ta' serq aggravat, li żamm lil xi ħadd kontra r-rieda tiegħu u li kien qed iġorr sikkina f'post pubbliku bla liċenzja. Hu kien akkużat ukoll li saq karozza misruqa, li ffroda pompa tal-petrol b'ċekk misruq u li huwa riċediv.

Is-serqiet saru minn Birkirkara, San Ġwann u Santa Venera. 

L-avukat tal-akkużat Andy Ellul għamel appell ippassjonat għall-ħniena, speċjalment fid-dawl tal-fatt illi hu kkopera fl-investigazzjoni. 

"Dak li għamel, għamlu grazzi għad-disprament biex ikisser iċ-ċiklu tal-abbuż tad-droga...beda jagħmel affarijiet apposta biex jinqbad," qal l-avukat li talab biex il-klijent tiegħu jintbagħat għar-rijabilitazzjoni.  

Il-Qorti se tiddeċiedi fuq il-każ nhar il-Ġimgħa u sadanittant l-akkużat se jkun qed jinżamm taħt arrest. 

More in Politika