Il-Parlament Ewropew jivvota favur viża għall-immigranti ppersegwitati

Immigranti li jistgħu jippruvaw li huma esposti għall-persekuzzjoni jkunu benefiċċjarji ta' Viża Umanitarja...l-MEPs Maltin jappoġġjaw il-proposta

Il-Parlament Ewropew illum talab li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta, qabel il-31 ta’ Marzu 2019, proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi Viża Umanitarja Ewropea, li tagħti aċċess fit-territorju tal-UE - esklussivament għall-istat membru li jkun ħareġ il-viża - għall-uniku skop biex tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

L-inizjattiva leġiżlattiva ġiet appoġġata mill-plenarja b’429 vot favur, 194 kontra u 41 astensjoni.

L-MPE saħqu li, minkejja bosta’ tħabbir u talbiet għal metodi siguri u legali għad-dħul fl-Ewropa għal dawk li jfittxu l-ażil, l-UE m’għandiex qafas armonizzat għall-proċeduri ta’ dħul protett.  Huma enfasizzaw li, minħabba nuqqas ta’ possibilitajiet legali, madwar 90% ta’ dawk li jingħataw il-protezzjoni internazzjonali jilħqu l-UE irregolarment.

L-MPE jisħqu li d-deċiżjoni biex tinħareġ viża umanitarja għandha tibqa’ kompetenza esklussiva tal-istati membri.

Ir-riżoluzzjoni tagħmilha ċara li l-benefiċjarji jkollhom jippruvaw li huma ċarament esposti għall-persekuzzjoni u li mhumiex diġà f’proċedura ta’ risistemazzjoni.  Il-valutazzjoni tal-applikazzjoni m’għandiex tinvolvi proċess sħiħ tad-determinazzjoni tal-istatut, iżda qabel il-ħruġ ta’ kwalunkwe viża, kull applikant għandu jkun soġġett għal screening ta’ sigurtà, permezz tal-bażijiet ta’ data rilevanti nazzjonali u Ewropej, “biex jiġi aċċertat li l-persuna m’hix ta’ riskju għas-sigurtà.

Dikjarazzjonijiet minn MPE Maltin

"Ir-rakkomandazzjonijiet li qed isiru fuq kif għandhom jinħarġu l-viżi umanitarji, hu simbolu ta’ kif l-Unjoni Ewropea trid tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem. Aktar minn 90% ta 'dawk li talbu l-ażil fl-Ewropa waslu b'mod irregolari wara vjaġġ perikoluż. Għalhekk dak propost hu wkoll mod importanti kif nindirizzaw l-imwiet inaċċettabbli u intollerabbli fil-Mediterran u biex verament niġġieldu t-traffikar tal-bnedmin. Dan hu pass importanti biex nindirizzaw l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari."

 

 

More in Politika