Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, talab lill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jinvestiga l-mod kif qed jitmexxa l-proċess dwar il-bini ta’ mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex.
Fi stqarrija, Cacopardo saħaq li l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, ħabbar li se joħorġu t-tenders għall-bini tal-mina meta l-istudji dwar l-impatti ambjentali għadhom pendenti.
"Din id-dikjarazzjoni tal-Ministru hi ukoll indikazzjoni ċara ta’ nuqqas ta’ governanza tajba u twassal il-messaġġ ċar li l-proċess ta’ studju tal-impatti ambjentali hu meqjus bħala wieħed irrelevanti", insista Carmel Cacopardo.
Ilbieraħ, il-Ministru Borg ħabbar sejħa internazzjonali għall-bini tal-mina fi żmien sitt xhur.
Ir-rotta tal-mina se tkun twila 13.5 kilometri, li tibda mill-inħawi tal-Limbordin fil-Mellieħa u tiżbokka fin-Nadur Għawdex.