Din il-gazzetta tinsab infurmata illi kmieni s-sena d-dieħla l-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed iħabbar reshuffle b’bidliet żgħar, b’nies ġodda fil-Kabinett, persuni li se jirritornaw fil-Kabinett u promozzjonijiet.
Sorsi fil-Partit Laburista li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi kollox jindika li l-President tar-Repubblika l-ġdid se jkun Evarist Bartolo hekk kif il-possibilità li jkun l-eks Ministru Laburista George Vella xi ftit jew wisq sfaxxat. Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu illi Vella baqa’ jirrifjuta li jaċċetta t-talba li jkun President tar-Repubblika.
Il-ħatra ta’ Bartolo fl-ogħla kariga kostituzzjonali se tħalli l-kariga tal-Ministru tal-Edukazzjoni vojta. Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela illi l-favorit biex jieħu post Bartolo huwa Edward Zammit Lewis li fil-leġiżlatura ta’ qabel din kien Ministru tat-Turiżmu u li fl-2017 kien elett biss permezz ta’ by-election.
Fil-Ministeru, ma’ Zammit Lewis, din il-gazzetta tista’ tiżvela li se jinħatar Stefan Zrinzo Azzopardi. Bħala Segretarju Parlamentari, se jkun qed jiffoka aktar fuq il-qasam tax-xogħol. Kuntrarjament għal Zammit Lewis, din se tkun l-ewwel darba li Zrinzo Azzopardi jidħol fil-kabinett.
Zrinzo Azzopardi kien elett għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni ġenerali li kienet l-ewwel waħda li kkontesta. Zrinzo Azzopardi kien il-President tal-Partit Laburista u kien imexxi il-Grand Harbour Regeneration Corporation.
Intant din il-gazzetta tista’ tiżvela wkoll illi l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Drittijiet Ċivili Helena Dalli qed timbutta l-possibilità li tkun Il-Kummissarju Ewropew il-ġdid wara li jagħlaq it-terminu tal-Kummissarju Karmenu Vella. Fil-fatt is-sena d-dieħla jagħlaq it-terminu tal-eks Ministru Laburista u allura l-Gvern ikollu jaħtar Kummissarju Ewropew ġdid. Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi jidher li l-Gvern qed jikkunsidra bis-serjetà l-kandidatura ta’ Dalli għal din il-pożizzjoni prestiġjuża. Marie Louise Coleiro Preca, tista’ tkun għażla oħra għal din il-kariga għalkemm is-sorsi tagħna qalu li s’issa ma jidhirx li l-Gvern se jieħu din l-għażla.
It-tluq ta’ Dalli mill-Ministeru tkun tfisser illi persuna tieħu promozzjoni u persuna oħra tidħol fil-Kabinett għall-ewwel darba. L-ILLUM hija nfurmata li jekk Dalli tingħata l-kariga, minflokha jidħol is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia u Rosianne Cutajar tieħu l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza.
Kemm Farrugia kif ukoll Cutajar huma ‘wċuħ ġodda’ u kienu eletti għall-ewwel darba fil-Parlment fl-2017. Farrugia kkontesta l-ewwel distrett u kiseb 3,600 vot fl-ewwel għadd filwaqt li Cutajar ikkontestat fuq is-sitt distrett u kisbet 1,934 vot. Cutajar kienet is-Sindku ta’ Ħal Qormi qabel kienet eletta fil-Parlament.