Illum fi stqarrija, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg sostnit li, "dak li suppost kellu jkun l‑aktar Gvern femminista li qatt rat Malta kif kien wiegħed Joseph Muscat ħames snin ilu, falla bil-kbir u bil-fatti."
Buttigieg għamlet referenza lejn kejl dinji ewlieni fl‑ugwaljanza tal‑mara, l‑Global Gender Gap Index tal‑World Economic Forum. Dan ikejjel id‑differenza bejn l‑irġiel u n‑nisa f'149 pajjiż f'oqsma bħalma huma x‑xogħol, il‑pagi, is‑saħħa u l‑parteċipazzjoni pubblika.
Żiedet tgħid li, "dan ir-rapport juri li Malta sofriet dawn il-waqgħat fl-aħħar ħames snin meta mqabbla ma' pajjiżi oħrajn fosthom fil‑paga tan‑nisa, Malta waqgħet mis‑87 post fl-2013 għall-106 post issa, fl‑ugwaljanza bejn is‑sessi fil‑pagi, Malta marret lura mid‑19-il post għat‑48 post; fis‑saħħa tan‑nisa, pajjiżna mar lura mill‑65 post għall-114-il post, fil‑healthy life expectancy, Malta waqgħet lura mit‑78 post għall‑120 post fl-aħħar ħames snin, fil‑parteċipazzjoni pubblika tan‑nisa, Malta waqgħet mit‑53 post għall‑81 post, fil‑proporzjon tan-nisa fil‑Parlament, pajjiżna mar lura mid‑90 post għall‑122 post u fil‑karigi fejn jieħdu d‑deċiżjonijiet bħala Ministri, Malta fl-aħħar ħames snin waqgħet lura mill‑41 post għall‑126 post," spjegat Buttigieg.
Fl-aħħar nett hi qalet li, "quddiem dan in-nuqqas serju lejn in-nisa Maltin, il-PN jappella lill-Gvern sabiex verament jindirizza s-sitwazzjoni inġusta li qed jgħixu fiha n-nisa f'pajjiżna. Il-PN jfakkar li bid-distakk qawwi li hemm bejn id-dħul tan-nisa u dak tal-irġiel, in-nisa qed jispiċċaw fil-faqar finanzjarju."