Filippini mwissija dwar 'individwi bla skrupli' li qed jimpjegawhom f'Malta
Żewġ stqarrijiet maħruġa mill-Ambaxxata Filippina f'Ruma jwissu lil dawk il-Filippini li jixtiequ jaħdmnu Malta
More in Politika
Żewġ stqarrijiet maħruġa mill-Ambaxxata Filippina f'Ruma jwissu lil dawk il-Filippini li jixtiequ jaħdmnu Malta
Filippini li jixtiequ jaħdmu Malta qed ikunu mwissija biex joqgħodu attendi minn “individwi bla skrupli,” li qed jimpjegaw ħaddiema barranin mhux skont il-liġi.
F’żewġ kommunikazzjonijiet li ġew ippubblikati f’Settembru u f’Novembru mill-ambaxxata Filippina f’Ruma, Filippini qed ikunu mwissija kontra skemi ta’ ingaġġ li qed jintużaw minn ċertu “individwi bla skrupli f’Malta bi ksur ta’ liġijiet Maltin u Filippini biex jisirqu flus mill-vittmi.”
Filippini qed ikunu mwissija biex jekk jixtiequ jaħdmu Malta, jagħmlu dan permezz ta’ “rotot uffiċjali,” jiġifieri aġenziji liċenzjati Filippini u anke permezz tal-“Philippine Overseas Employment Administration.”
L-ambaxxata tispjega li l-Filippini li jaħdmu barra mill-pajjiż jistgħu jintalbu jħallsu miżata ekwivalenti għal xahar paga u li l-istess miżata tkopri l-ispejjeż kollha, inkluż tariffi oħra relatati mal-ingaġġ tal-impjegati.
F’Lulju ta’ din is-sena, il-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat kif fost it-12,407 ħaddiema f’Malta li ġejjin minn barra l-UE, l-akbar komunità huma l-Filippini.
Sal-aħħar tas-sena li għaddiet Malta kellha 2,413-il ħaddiem minn dan il-pajjiż.
Il-Filippini jkomplu jiġu mwissija biex qabel iħallu l-Filippini lejn Malta jassiguraw li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom ikun irreġistrat mal-“Philippine Overseas Employment Administration” u li kwalunkwe emenda jew bidla fil-kuntratt għandha l-ewwel tkun approvata mill-istess awtorità