F’kummenti mas-sit illum.com.mt, attivisti ta’ Occupy Justice saħqu li Erica Mizzi qatt ma kienet parti mill-grupp tagħhom, anzi jemmnu li din il-persuna mhux vera teżisti.
Ilbieraħ, il-kmamar tal-aħbarijiet irċevew imejl mingħand Erica Mizzi, li tirreferi għaliha nnifisha bħala eks attivista ta' Occupy Justice li telqet wara li allegatament intalbet tiġbor donazzjonijiet waqt il-vġejjel u l-attivitajiet kollha li jkunu organizzati.
Skont il-liġi, donazzjonijiet jistgħu jinġabru biss minn NGOs li jkunu rreġistrati u li allura jippubblikaw ir-rendikonti tagħhom.
Fl-imejl, Erica Mizzi, tisħaq li fix-xahar, Occupy Justice jiġbru madwar €6,000, fosthom anke mingħand politiċi minn partiti żgħar.
Madanakollu, mistoqsija dwar dawn l-allegazzjonijet, Occupy Justice wieġbu biss li “jirrifjutaw li jkunu parti minn kampanja ta’ aħbarijiet foloz billi jwieġbu mistoqsijiet li l-għan tagħhom huma li jbiddlu l-attenzjoni minn fuq każijiet ta’ korruzzjoni u kriminali li qed jiffaċċja l-pajjiż.”
Filwaqt li insistew li ma jafux min hi Erica Mizzi, Occupy Justice saħqu li filwaqt li “dawk li huma fil-poter,” jirreferu għall-attivisti bħala “minoranza,” fl-istess waqt sabu l-ħin biex jiffabrikaw aħbar bil-għan li tostakola l-għajta tagħhom għall-ġustizzja.