Politiċi, ġurnalisti u rappreżentanti tal-Knisja ibaħħru lejn il-bastimenti bl-immigranti
Dawn l-immigranti ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma viċin Malta jistennew lill-Ewropa tħenn għalihom
More in Politika
Dawn l-immigranti ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma viċin Malta jistennew lill-Ewropa tħenn għalihom
Żewġ bastimenti, Sea Watch 3 u Mediterranea telqu minn Malta u jinsabu fi triqithom lejn iż-żewġ bastimenti oħrajn li ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma jistennew port fejn ikunu jistgħu jniżżlu lid-49 immigrant li salvaw ftit ‘il barra mil-Libja.
Abbord dawn iż-żewġ bastimenti hemm ukoll membri Parlamentari Ġermaniżi u anke rappreżentanti tal-Knisja li talbu li jittieħdu fuq dawn il-bastimenti biex jaraw b’għajnejhom is-sitwazzjoni, li l-ekwipaġġi, fl-aħħar jiem, iddeskrivew bħala prekarja.
Iż-żewġ bastimenti mistennija jwasslu wkoll ikel, xorb u anke mediċina lil dawn l-immigranti, li skont l-NGOs li jmexxuhom, ħafna minnhom jinsabu ma jifilħux minħabba n-nuqqas ta’ ikel u ilma u l-maltemp li ħakem lill-Mediterran fl-aħħar jiem.
Kemm is-Sea-Watch 3 u anke l-Professor Albrecht Penck, ingħataw permess biex jidħlu fl-ibħra territorjali Maltin għall-kenn mill-maltemp iżda mhux biex jidħlu fil-portijiet.
Skont Sea Watch, il-Parlamentari Ġermaniżi mistennija jirrappurtaw dwar din is-sitwazzjoni hekk kif il-Gvern Ġermaniż baqa’ ma aċċettax dawn l-immigranti minkejja li diversi bliet Ġermaniżi jinsabu lesti biex jilqgħuhom.
Jidher, li abbord il-bastimenti, hemm ukoll ġurnalisti Taljani.
Fi stqarrija, l-NGOs ħeġġew lill-awtoritajiet Ewoprej u lill-Gvernijiet biex jgħinu lil dawn il-persuni li qed ibatu, fosthom tfal żgħarħafna “li huma trawmatizzati bl-infern tal-ħabsijiet Libjani u l-vjolenza u li issa qed jiffaċjaw ir-riskju li jmutu fuq il-baħar.”
'Dawn l-immigranti għandhom jingħataw port sigur' - Carmel Cacopardo
L-Alternattiva Demokratika ngħaqdet ma’ Ska Keller, il-kandidata tal-Partit tal-Ħodor għall-President tal-Kummissjoni Ewropea biex jitolbu għal soluzzjoni għad-49 immigrant.
Fi stqarrija, iċ-Ċerpersin tal-AD, Carmel Cacopardo, insista li s-sitwazzjoni fuq il-bastimenti sejra mill-ħażin għall-agħar u dawn l-immigranti għandhom jingħataw port sigur malajr kemm jista’ jkun.
L-AD, tingħaqad mal-Partit tal-Ħodor u flimkien appellaw biex apparti soluzzjoni Ewropea ikun hemm qbil darba għal dejjem dwar mekkaniżmu permanenti għad-distribuzzjoni.
Aqra wkoll: