Il-Konfederazzjoni Maltija tal-Għaqdiet tan-Nisa ħarġet stqarrija li fiha insistiet li kull min juża l-vjolenza domestika hija att kriminali u ma tista’ qatt tkun ittollerata.
“Kull meta każijiet ta’ vjolenza domestika joħorġu fil-beraħ, dawk l-allegazzjonijiet għandhom jittieħdu bis-serjetà u għandhom ikunu investigati sewwa, huma min huma dawk involuti,” kompliet l-istqarrija.
Mingħajr ma’ għamlu l-ebda referenza għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-istqarrija ħarġet fiż-żmien li fih, il-Kap Nazzjonalista, għaddej mill-proċess tas-separazzjoni minn ma’ martu li qed takkużah bi vjolenza domestika.
L-istqarrija tkompli tgħid li dawk kollha li jieqfu lill-vjolenza domestika jkollhom bżonn kuraġġ kbir u għal dan ir-raġuni tappella biex dawn il-persuni ma jibqgħux jiġu vvitimizzati jew saħansitra mhedda.
“Minflok dawn għandhom jingħataw l-appoġġ kollu li għandhom bżonn,” tkompli l-istqarrija.
Din l-organizzazzjoni tiġbor fiha 12 il-għaqda oħra li flimkien jirrappreżentaw ‘il fuq minn 24,000 membru.