Repubblika jakkużaw lill-PN u lill-PL li qed jintimadaw attivisti tas-soċjetà ċivili

Repubblika jisħqu li l-partiti l-kbar qed jużaw il-mezzi tagħhom biex jiskreditaw u jintimidaw attivisti mis-soċjetà ċivili

L-attivisti ta’ Repubblika qed jakkużaw lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista li qed jużaw it-televiżjoni u l-mezzi medjatiċi tagħhom “biex joħonqu l-espressjoni ħielsa u jgħaffġu d-dritt tal-protesta.”

Fi stqarrija, Repubblika esprimiet it-tħassib tagħha għal dak li sejjaħ bħala “ritaljazzjoni goffa u inġusta” tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista li “użaw u qed jużaw il-mezzi medjatiċi tagħhom biex b’gideb jew tgħawwiġ tal-fatti jfittxu li jiskreditaw u jintimidaw attivisti mis-soċjetà ċivili.”

Kien hawn, li l-attivisti saħqu li dak li seħħ din il-ġimgħa fil-konfront ta’ attivista ta’ Occupy Justice ma hu xejn minn “oltraġġ” fuq il-libertà tal-espressjoni u d-dritt tal-protesta.

Fl-aħħar jiem, ċertu Erica Mizzi bagħtet lill-midja tgħid li rriżenjat minn Occupy Justice wara li ntalbet tiġbor donazzjonijiet b’mod illegali. Mas-sit illum.com.mt, Occupy Justice ċaħdu l-allegazzjonijiet u saħansitra qalu li ma jafux min hi Erica Mizzi.

Repubblika saħansitra akkużat lill-partiti politiċi li xi drabi jingħaqdu bejniethom biex “jivvittimizzaw u jintimidaw grupp ta’ ċittadini għax għandhom fehma indipendenti mit-tnejn li huma.”

Kien għalhekk li ddeskrivew l-istazzjonijiet televiżivi u l-mezzi tal-partiti politiċi bħala għodda tal-Istat u l-użu tagħhom biex jitkissru dawn id-drittijiet bħala ksur tad-drittijiet bażiċi f’demokrazija.

More in Politika