L-Awtorità tal-Ippjanar qed tidħak bin-nies fuq il-pompi tal-petrol - Graffitti

'Huwa ċar li l-PA qed tiddieħek bin-nies billi tkaxkar saqajha u tħalli fis-seħħ il-policy kurrenti, biex b'hekk ftit żviluppaturi jkunu jistgħu jkomplu jistagħnew billi jibnu fuq ODZ' - Moviment Grafitti

Il-Moviment Graffitti  ħareġ filmat qasir li jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku għall-fatt li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) naqset milli tirrevedi l-Fuel Service Station Policy. Fi stqarrija l-moviment sostna li din il-policy tinċentiva l-bini ta' kumplessi kummerċjali massivi, taparsi pompi tal-petrol, fuq art agrikola u naturali barra ż-żoni tal-iżvilupp (ODZ).

"Għaddiet sena minn meta l-Ministru għall-Ambjent iddikjara li l-Fuel Service Station Policy tal-2015 hija ħażina u hemm bżonn tiġi riveduta. Tul dan iż-żmien, il-Moviment Graffitti u għaqdiet oħrajn wettqu diversi azzjonijiet, inkluż żewġ azzjonijiet diretti ġewwa l-bini tal-PA, biex jitolbu r-reviżjoni immedjata ta' din il-policy. Iktar minn 1,100 individwu bagħtu wkoll email lill-awtoritajiet sabiex jesprimu l-għadab tagħhom għal din il-policy u għan-nuqqas t'azzjoni mill-PA biex din tinbide," fakkar il-Moviment Graffitti.

L-istqarrija ffirmata minn André Callus tgħid illi hija xi ħaġa inkredibbli li l-PA qed tieħu tul esaġerat ta' żmien sabiex tagħmel bidla daqshekk sempliċi fil-policy. "Għalkemm l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) lestiet ir-reviżjoni tagħha f'April, meta qalet li l-policy riveduta m'għandhiex tħalli pompi tal-petrol fuq ODZ, il-PA għadha ma ppubblikatx għall-konsultazzjoni l-abbozz tal-policy riveduta. Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-PA, Johann Buttigieg, iddikjara f'Novembru li abbozz tal-policy riveduta kien lest biex joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika. Iżda laħaq għadda xahar ieħor u dan għadu ma ġiex ippubblikat."

"Sadanittant, applikazzjonijiet ġodda għall-pompi tal-petrol f'ODZ jistgħu jibqgħu jintefgħu taħt il-policy difettuża kurrenti," tfakkar l-istqarrija filwaqt li tgħid ukoll li bħalissa hemm 16-il applikazzjoni għal pompi tal-petrol f'ODZ, b’erbgħa minnhom diġà ġew approvati u l-oħrajn għadhom qed jiġu ipproċessati. "Flimkien, dawn ikopru ammont ta’ art li fiha daqs sitt darbiet il-fosos tal-Furjana,".

"Huwa ċar li l-PA qed tiddieħek bin-nies billi tkaxkar saqajha u tħalli fis-seħħ il-policy kurrenti, biex b'hekk ftit żviluppaturi jkunu jistgħu jkomplu jistagħnew billi jibnu fuq ODZ," temmet tgħid l-istqarrija. 

More in Politika