‘Rati baxxi ta’ traddigħ’ fost il-fatturi li qed iżidu l-obeżità f’Malta’
Is-supretendent tas-saħħa pubblika Charmaine Gauci tgħid li ‘qed ngħixu f’ambjent li qed jipproduċi aktar obeżità
minn Liam Carter
Ġimagħtejn ilu din il-gazzetta rrapportat kif skont studju ġdid tal-Unjoni Ewropea aktar minn kwart tal-adulti Maltin huma obeżi. Apparti minn dan, l-ILLUM għamlet referenza wkoll għal rapporti addizzjonali li kkonkludew kif it-tfajliet Maltin huma l-aktar obeżi fl-UE u r-rata ta’ tfal Maltin b’piż żejjed tlaħħaq l-40%.
Fid-dawl ta’ dawn ir-rapporti allarmanti, din il-gazzetta tkellmet mas-supretendent tas-saħħa pubblika u d-direttriċi ġenerali tas-saħħa pubblika, il-Professur Charmaine Gauci. L-ILLUM staqsiet lil Gauci dwar il-fatturi li qed iwasslu għal dawn ir-rati katastrofiċi, il-piż li din il-problema qed titfa’ fuq l-ekonomija tal-pajjiż, kif ukoll dwar il-pjan tal-Gvern u l-Ministeru tas-Saħħa biex jindirizza din il-problema.
Gauci mal-ILLUM tibda biex tispjega, “in-numru ta’ persuni li għandhom piż żejjed u li huma obeżi ilu jikber f'dawn l-aħħar snin u ħafna nies qed isibuha dejjem iktar diffiċli biex iżommu piż ‘normali’.” “L-ambjent tal-lum qed jipproduċi aktar obeżità,” irrimarkat Gauci.
Hi tkompli tgħid kif skontha, “dan l-ambjent qiegħed jirriżulta minħabba fost l-oħrajn: rati baxxi ta’ traddigħ, prezzijiet għolja ta’ ingredjenti ta' dieta sana bħal, ħaxix, frott u ħut, nuqqas ta’ ħiliet tat-tisjir, abbundanza u kummerċjalizzazzjoni ta' ikel b'ħafna enerġija, zokkor, melħ u xaħam, in-nuqqas ta’ spazji miftuħa, nuqqas ta' opportunità għal attività fiżika kemm fuq ix-xogħol kif ukoll bħala divertiment,” saħqet Gauci.
Il-Professur żiedet tgħid li, “filwaqt li fil-passat l-obeżità kienet meqjusa bħala problema għal pajjiżi bi dħul għoli, illum hemm żieda konsiderevoli fil-proporzjon ta’ nies minn żoni bi dħul baxx jew medju li huma kkunsidrati li għandhom piż żejjed jew obeżi,” sostniet il-Professur.
L-obeżità hi stmata li tiswa mas-€70 biljun fis-sena lill-UE
Intant, studju separat mid-ditta tal-awdituri Pricewaterhouse Coopers, ippubblikat f’Ġunju tal-2016, kien ikkonkluda li l-obeżità qed tiswa lil Malta mas-€36 miljun fis-sena. Staqsejt lil Gauci biex tispjegalna kif l-obeżità qiegħda taffettwa l-ekonomija u l-operat taċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi.
“L-obeżità għandha effetti konsiderevoli fuq il-mortalità u fuq il-morbidità. Din ġiet stmata li tiswa €70 biljun fis-sena lill-Unjoni Ewropea permezz tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u l-produttività mitlufa,” qalet Gauci.
Skontha, “l-obeżità tikkawża piż ekonomiku konsiderevoli fuq is-soċjetà permezz ta’ spejjeż akbar għat-trattament ta’ mard assoċjat, bi spejjeż diretti kif ukoll spejjeż assoċjati mal-produttività mitlufa minħabba assenteiżmu mix-xogħol u mewt prematur li jwasslu għal dawn l-ispejjeż indiretti.”
X’inhu l-pjan tal-Gvern fuq l-obeżità?
U l-Gvern x’qiegħed jagħmel biex jirranġa s-sitwazzjoni? Gauci tisħaq li, “il-Ministeru tas-Saħħa għaddej bl-implementazzjoni ta l-istrateġija, ‘Piż tajjeb għas-Saħħa Tul il-Ħajja’.
“L-għan ta’ din l-istrateġija huwa li titnaqqas il-prevalenza tal-obeżità u tal-piż żejjed fost il-popolazzjoni Maltija, u li jinkiseb piż tajjeb għas-saħħa tul il-ħajja.”
Madankollu, hi kienet ċara fi kliemha, “jeħtieġ ħidma inter-ministerjali u multi-settorjali, sabiex isiru bidliet fl-ambjent li ngħixu fih bl-għan li dan jinbidel minn wieħed li jippromovi ż-żieda fil-piż għal wieħed li jippromovi għażliet għaqlin u piż tajjeb għas-saħħa ta’ kulħadd.”
L-azzjonijiet li qed jipproponi l-Ministeru tas-saħħa
- Ħidma permezz ta’ kampanji edukattivi u inizjattivi fil-komunità dwar dieta tajba u l-moderazzjoni bħala prinċipji fundamentali ta’ dieta tajba fl-iskejjel u fil-postijiet tax-xogħol.
- Il-promozzjoni tat-traddigħ b’mod esklussiv tul l-ewwel sitt xhur tal-ħajja tat-trabi u implementazzjoni tal-politika dwar it-traddigħ.
- Għajnuna lil nisa tqal u lil ommijiet ġodda biex dawn jadottaw dieta bilanċjata li huwa ta’ ġid kemm għalihom kif ukoll għall-familji tagħhom, permezz tal-edukazzjoni u ta’ inizjattivi komunitarji.
- L-għoti ta’ appoġġ lill-iskejjel u lill-familji sabiex ikel u snacks, inkluż xorb, li jiġi offrut mill-iskejjel lit-tfal li jmorru l-iskola jkun sustanzjuż u bnin, mingħajr ħafna kaloriji u/jew ammonti żejda ta’ xaħmijiet, aċidi grassi, melħ u zokkor.