Ix-xandar, xi darba sinonimu mal-PN kif ukoll kritiku kbir tal-Gvern Laburista David Thake, ssuġġerixxa li minflok dawk li ma jaqblux miegħu, għandu jkun Adrian Delia li jitlaq minn kap tal-partit.
F'wieħed minn sensiela ta' messaġġi, l-eks xandar u Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar, għamel referenza għal stqarrija ta' Delia illi min mhux warajh għandu jitlaq mill-partit. Dan qalu meta kien qed jgħaddi kummenti lis-sit newsbook.com fid-dawl ta' pressjoni li qed issir fuqu biex jirreżenja.
Thake wieġeb u sostna illi meta wieħed jieħu f'kunsiderazzjoni s-sondaġġi li qed juru li l-PN għadu bi żvantaġġ ta' 64,000 vot u dak li qed jiġri bħalissa fil-PN, "forsi huwa l-kap li m'għandux jibqa' fil-partit."
Thake ma jarax għajn m'għajn ma' Delia tant li rreiżenja mill-kariga ta' Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar propju minħabba Delia.
Il-Kap tal-PN bħalissa jinsab taħt pressjoni kbira biex jirriżenja wara li kien akkużat illi kien vjolenti ma' martu. Minn dakinhar kien hemm diversi 'leaks' mill-PN u anke filmati dwar materji privati ta' Delia.