Dalgħodu, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi tilef libell kontra l-Ministru Owen Bonnici.
Azzopardi kien fetaħ dan il-libell wara kummenti li kien għadda l-Ministru Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet f'Jannar tal-2017, dwar it-trasferiment tal-art tal-Löwenbräu.
Wara li tilef dan il-libell, il-Partit Laburista ħareġ stqarrija li fiha saħaq li l-Qorti, bid-deċiżjoni tagħha, ikkonfermat li "Jason Azzopardi huwa l-politiku li kellu jerfa’ r-responsabbiltà għall-iskandlu tal-art tal- Löwenbräu li fost oħrajn ġab il-kundanna tal-Awditur Ġenerali.
Fost oħrajn il-Qorti rreferit għax-xhieda ta’ Albert Mamo, li kellu l-Kariga ta’ Kummissarju għall-Artijiet kif ukoll għar-rapport tal-Awditur Ġenerali, bl-istqarrija tal-PL tikkwota s-sentenza meta tgħid li “mir-rapport tal-Awditur Ġenerali huwa ċar li meta ssir referenza għall-‘Minister MFCC’ tali referenza hija għal ‘the Minister MFCC the Hon Dr Jason Azzopardi.’
"B’hekk intqal li l-argumenti li saru mill-Ministru Bonnici, kif ukoll mill-Partit Laburista, kienu korretti għax kienu bbażati fuq dokumenti, inkluż fuq ix-xhieda ta’ Nazzareno Vassallo li minn dan id-deal kien l-iktar li mar tajjeb," saħaq il-Partit Laburista.
Kien għalhekk li l-istqarrija tisħaq li "Jason Azzopardi ma baqagħlux fejn idur u għandu jgħid minnufih jekk ux se jerfa’ r-responsabbiltà politika kif talbu l-Awditur Ġenerali."