‘L-Italja m’hemmx xogħol u b’Salvini m'iniex komdu…Għalhekk ġejt Malta’
L-ILLUM tmur Ħal Far u titkellem ma’ diversi immigranti
minn Liam Carter
L-ewwel ġimgħa tas-sena 2019 kienet iddominata minn inċident diplomatiku ieħor bejn Malta u l-Italja hekk kif għal 19-il ġurnata, grupp ta’ 49 immigrant tħallew bejn sema u ilma wara li ż-żewġ pajjiżi jirrifjutaw it-talba tal-NGO’s biex dawn l-immigranti jitħallew jidħlu fil-portijiet tal-pajjiż. L-għada li ntlaħaq il-ftehim f’din il-kwistjoni, l-ILLUM marret Ħal Far u tkellmet ma’ diversi immigranti li bħal dawk abbord il-bastimenti tas-Sea Watch ġew Malta bl-għan li jfittxu ħajja aħjar.
‘L-Italja m’hemmx xogħol u b’Salvini m'iniex komdu’
F’għodwa mimlija xita u riħ, tkellimna ma’ immigrant mill-Mali li kien qiegħed jistenna biswit iċ-ċentru miftuħ biex imur għal ġurnata xogħol. L-immigrant qal mal-ILLUM li għalkemm huwa kien oriġinarjament wasal l-Italja u ngħata l-ażil hemmhekk, fl-aħħar xhur dan għażel li jivvjaġġa lejn Malta.
“Jien kont ingħatajt l-ażil l-Italja, però l-Italja m’hemmx xogħol, irrid naħdem. Hawnhekk niġi hawn filgħodu u nista’ naqla' lira,” sostna l-immigrant.
Żied jgħid kif il-pożizzjoni tal-Ministru Salvini affetwatlu d-deċiżjoni li jiġi Malta. Minn mindu tela’ Salvini ma bqajtx inħossni komdu l-Italja, hemm klima politika kontrina, minħabba dawn ir-raġunijiet ġejt Malta,” temm jgħid ir-raġel.
‘€130 fix-xahar mhumiex biżżejjed biex tgħaddi’
Fl-eżerċizzju tagħna tkellimna wkoll ma’ immigrant ieħor li, dan ukoll kien qiegħed jistenna sabiex imur ġurnata xogħol. Mal-ILLUM, l-immigrant Libjan irrakkonta l-istorja u d-diffikultajiet tiegħu. “Jiena ġejt dan is-sajf mil-Libja, ma stajniex nibqgħu hemmhekk, il-problemi kulħadd jafhom,” spjega l-Libjan.
Hu kompla jitkellem fuq id-diffikultajiet attwali tiegħu, “għandi sitt itfal, erbat ibniet u żewġ subien, ngħixu flimkien b’kamra tal-banju waħda. Bħala għajnuna finanzjarja għandi €130 fix-xahar, b’dawn irrid nixtri l-ikel, il-mediċina u nħallas it-trasport. Għandi problema bil-kliewi, muġugħ ħafna però xorta noħroġ għax-xogħol,” saħaq ir-raġel.
Staqsejtu x’tip ta’ xogħol qiegħed issib jagħmel. Hu qal li, “dejjem differenti ġieli fil-konkrit u ġieli fil-kostruzzjoni. Naqla' qisu €40 fil-ġurnata. Xogħol iebes ħafna però għall-inqas naqla' xi ħaġa fil-ġurnata biex inkun nista' ngħajjex il-familja. Wieħed mis-subien tiegħi għandu 20 sena, l-istess qiegħed jagħmel,” temm jgħid il-Libjan.
Il-gwerra frontali ta’ Salvini ma’ Malta
Din il-gazzetta kienet iddeskriviet lill-Ministru għall-Intern Taljan, Matteo Salvini bħala, ‘l-akbar uġigħ ta’ ras għall-Gvern ta’ Muscat’, dan għaliex minn mindu ġie elett fil-Parlament Taljan Salvini qajjem ‘gwerra frontali’ mal-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet tal-istati membri fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni.
Fid-9 ta’ Ġunju, propju tmint ijiem wara li ħa l-ġurament bħala Ministru għall-Intern, Salvini kien għalaq il-portijiet Taljani għal 600 immigrant abbord il-bastiment Aquarius. Dakinhar hu kien qal li dawn l-immigrant għandhom jidħlu Malta. 17-il ġurnata wara feġġ bastiment ieħor ‘Lifeline’ b’342 immigrant. Finalment l-immigranti nqasmu bejn seba’ pajjiżi. Dan kollu wassal biex ġurnata wara, il-Gvern Malti għalaq il-portijiet għall-bastimenti tal-NGOs li jsalvaw lill-immigranti.
Minn dakinhar ’l hawn dawn l-inċidenti komplew jirrepetu ruħhom kull darba li tfeġġ dgħajsa mimlija immigranti li tersaq lejn l-ibħra Mediterranju, sikwit Salvini u l-Ministru tal-Intern Malti Farrugia jispiċċaw b’botta u risposta fuq Twitte