Tliet snin wara l-ftuħ tal-Parlament il-ġdid xogħol il-perit internazzjonali Renzo Piano, ix-xita qed tikxef xogħlijiet difettużi li saru u li qed jikkawżaw ħsara f’diversi partijiet tal-binja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia wera ritratti tal-ħsara, il-moffa u l-għadajjar tal-ilma f’diversi partijiet tal-Palrlament.
Farrugia saħaq li l-poplu ħallas għal din il-binja u allura għandu dritt ikun jaf b’din il-ħsara.
L-Ispeaker kompla jgħid li fil-Qorti għaddejin każijiet oħra kontra l-kuntratturi li ħadmu fuq il-binja u anke jekk ma elaborax saħaq li l-Parlament ma jistax jordna tiswijiet qabel tittieħed deċiżjoni tal-Qorti.
Jidher li l-aktar partijiet milquta mill-ħsara huma s-saqaf u t-tieni sular, il-plenarja, it-taraġ li jintuża f’każijiet ta’ emerġenza, il-kamra tal-Oppożizzjoni, il-livelli ta’ taħt l-art u l-pont li jgħaqqad iż-żewġ binjiet.
Jidher ukoll, skont dak li qal l-Ispeaker, li l-ħsara qed taffettwa wkoll sistemi bħal sensors, tagħmir elettroniku u anke l-lift.
“Dan huwa ta’ tħassib serju. Impjegati u l-Membri Parlamentari qed ibatu minħabba l-ħsara. Nistennew l-għajnuna ta’ entita pubblika biex din il-problema tkun solvuta," kompla Farrugia.
Temm jisħaq li l-ħsara hija responsabbilità ta’ min awtorizza ċertu xogħlijiet waqt il-bini.