Proġett ta' €700 miljun, li se jara diversi toroq madwar Malta jingħataw wiċċ ġdid, beda din il-ġimgħa.
Total ta' €100 miljun kull sena se jintefqu fuq il-proġett, li se jkun maqsum f'diversi stadji.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg f'konferenza tal-aħbarijiet fi Triq l-Għarnuq fil-Fgura, qal illi l-ewwel stadju ta' xogħol jinvolvi 31 triq b'total ta' investiment ta' €53.5 miljun. Iktar tard din is-sena toħroġ sejħa oħra għal €46.5 miljun. Triq Għarnuq hija waħda minn dawk it-toroq koperti b'dan l-investiment.
"Dan il-Gvern huwa kommess lejn kwalità għolja ta' infrastruttura, ladarba dan l-apsett imiss lin-nies direttament ta' kuljum u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti," sostna Borg.
"M'aħniex qed nikkunsidraw biss li nagħtu wiċċ ġdid, imma wkoll li naraw illi t-toroq ikollhom fondazzjoni aktar b'saħħtha."
.Is-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Silvio Parnis, preżenti għall-konferenza, qal li l-proġett jimmarka mument ieħor ta' kollaborazzjoni tal-Gvern mal-Kunsilli Lokali.