“L-Istat għandu jkollu liġijiet tajbin u effettivi li jassiguraw il-benessere u żvilupp tat-tfal.” Hekk saħaq il-Partit Demokratiku fi stqarrija wara li lbieraħ, il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal fil-Parlament li Malta għad ma għandhiex qafas legali li jiddefendi d-drittijiet ta’ kull tifel u tifla mill-Kummissarju għat-Tfal.
Huwa għalhekk li l-Partit Demokratiku qed jisħaq li wasal iż-żmien li l-Kummissarju għat-Tfal tkun tista’ tindirizza d-drittijiet ta’ tfal individwali b’qafas legali wkoll.
“Rappreżentazzjoni legali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għal tifel jew tifla f’pożizzjoni vulnerabbli ma jistax jingħata legalment, anki jekk il-Konvenzjoni li ffirmat Malta 30 sena ilu jirreferi għalih,” stqarr il-PD.
Min-naħa tagħhom il-kandidati tal-PD għall-Parlament Ewropew, Camilla Appelgren u Anthony Buttigieg saħqu li t-tfal għandhom dritt għal protezzjoni, li jesprimu l-opinjoni tagħhom, li jkollhom edukazzjoni tal-Istat u kura medika.
“L-ebda awtorità ma tista’ tinnega d-drittijiet tat-tfal, aktar u aktar fl-edukazzjoni. Il-burokrazija m’għandha qatt tinnega aċċess għal skola partikolari f’ċirkostanzi hekk speċjali,” komplew jisħqu l-kandidati.