'Offrejna l-appoġġ aħna...' - L-Enemed tiċħad bil-qawwa akkużi ta' theddid fuq tal-pompi

Ic-Chairman tal-Enemed jakkuża lill-GRTU bi skopijiet ulterjuri għall-akkużi li għamlet ilbieraħ...

Iċ-Chairman tal-Kumpanija Enemed Kevin Chircop ċaħad b'mod kategoriku akkużi mill-General Retailers and Traders Union (GRTU) li lbieraħ, fi stqarrija, sostniet illi l-Enemed kienet qed iċċempel lis-sidien tal-pompi tal-petrol li kienu qed isegwu l-istrajk ordnat minnha u theddidhom b'konsegwenzi. 

                                                                     Ara hawnhekk x'qalet il-GRTU fl-istqarrija tagħha

F'kummenti mas-sit maltatoday.com.mt Chircop sostna illi l-Enemed qed iċċempel lill-klijenti fir-rigward tal-ftehim li jistipula obbligazzjoni kuntrattwali li l-pompi tal-petrol joffru s-servizz lill-klijenti tagħhom 24 siegħa kuljum. "Aħna saħansitra offrejna l-appoġġ lil min kellu bżonn. Issa jekk din hija interpretata bħala theddida, mela allura ma nafx," sostna Chircop. 

Kompla jispjega kif f'relazzjoni ta' negozju lanqas tagħmel sens loġiku illi l-Enemed thedded lill-klijenti tagħha stess, Qal ukoll li allura stqarrijiet fis-sens illi l-Enemed għamlet theddid ma jagħmlux sens. 

"Aħna ma rridux niżżefnu fin-nofs f'din il-kwistjoni. Wara kollox aħna irridu inkomplu nagħtu servizz ta' eċċellenza," qal Chircop filwaqt li akkuża lill-GRTU illi qed timplika theddid "għal skopijiet ulterjuri".

 

 

More in Politika