It-tarbija bil-meninġite taqleb għall-aħjar
...tarbija oħra tinsab rikoverata fl-ITU iżda l-kundizzjoni tagħha ma għandha x'taqsam xejn mal-meninġite
More in Politika
...tarbija oħra tinsab rikoverata fl-ITU iżda l-kundizzjoni tagħha ma għandha x'taqsam xejn mal-meninġite
Qed taqbel għall-aħjar it-tarbija ta’ ftit ġimgħat li tinsab rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, wara li ħarġitilha l-meninġite.
Qalet dan kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa waqt laqgħa mal-membri tal-midja li matulha l-Awtoritajiet tas-Saħħa assiguraw li ma hawn l-ebda lok ta' allarm anke jekk fl-aħħar jiem żviluppaw każi ta' mard rari mhux relatat.
Il-kelliema spjegat li t-tifel ta’ erba’ snin li tilef ħajtu ftit tal-jiem ilu bil-meninġite kellu sistema immunitarja dgħajfa ħafna u dan wassal biex ġismu ma felaħx jiġġieled lill-marda, minkejja li kien imlaqqam.
Insistiet li l-każ tat-tarbija, li wkoll għandha l-meninġite, mhux relatat ma’ dak tat-tifel li tilef ħajtu. Din it-tip ta’ infezzjoni hija trattabbli b’antibijotiċi.
Intant, antiċipat ukoll xi rapporti li setgħu jidhru fil-jiem li ġejjin u li setgħu qajmu xi ftit ta’ allarm, hekk kif tarbija oħra ta’ tmien xhur iddaħħlet l-isptar Mater Dei tbati mill-kundizzjoni tas-Septicaemia, fi ftit kliem, infezzjoni fid-demm.
Din it-tarbija tinsab rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tat-tfal tal-Isptar Mater Dei bil-każ ma għandu xejn x’jaqsam mal-meninġite.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa assiguraw li m’hemm l-ebda lok ta’ allarm li hawn xi tip ta’ epidemija, la fl-isptar u lanqas fil-komunità. Insistew li dawn it-tliet każi huma separati minn xulxin anke jekk żviluppaw f’perjodu tant qrib ta’ xulxin. Spjegaw li ta’ kull sena pajjiżna jkollu ammont żgħir ta’ każi simili ta’ mard rari.
Dwar it-tilqim, il-kelliema qalet li l-Gvern għandu pjan li jespandi t-tilqim li jkun offrut anke jekk huwa kunfidenti bit-tilqim li jingħata preżentament.