Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, li hu wkoll wieħed mill-aktar persuni viċin il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, ħadha kontra Deputat ieħor li skont it-Times of Malta ċempel magħha jilmenta għal mod “mgħaġġel” li bih issejjaħ il-Grupp Parlamenatri Nazzjonalista.
Skont it-Times of Malta, id-Deputat li tkellem magħha lmenta għax il-Grupp Parlamentari, li mistenni jitlaqqa’ llejla, ssejjaħ ftit sigħat qabel mingħajr ma ngħatat l-ebda aġenda.
Iżda dlonk wieġeb Mario Galea li fuq Facebook iddeskriva lil dan id-Deputat mhux magħruf bħala “giddieb li qed jitradixxi lin-Nazzjonalisti li vvutawlu.”
Galea saħaq li dan il-Membru Parlamentari irid ikompli jagħmel ħsara lill-Partit tiegħu stess u fakkru li mhux l-ewwel darba li l-Grupp Parlamentari ssejjaħ minn filgħodu għal filgħaxija.
“Taħt it-tmexxija tad-Deputat Simon Busuttil qatt ma rċevejna aġenda qabel…Dawn id-Deputati jaħsbu li ma nafux min huma. Ħalfu li jkissru l-PN għall-ambizzjoni personali tagħhom. Imisshom jisħtu. Jien mhux coward bħalhom. Jien nikteb b’ismi,” temm jgħid Galea.