'Malta trid tkompli tkabbar is-settur tal-avjazzjoni'
Il-Prim Ministru qal dan waqt li inawgura investiment minn kumpanija Maltija f’Sardinja
More in Politika
Il-Prim Ministru qal dan waqt li inawgura investiment minn kumpanija Maltija f’Sardinja
Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura investiment minn kumpanija Maltija f’Sardinja, Westrade Ltd, li twettaq riċerka fil-qasam tal-avjazzjoni partikularment f’sistemi ġodda ta’ navigazzjoni għall-kumpanija globali li tiżviluppa l-ajruplani, Airbus.
Il-kumpanija Maltija għandha interessi Taljani filwaqt li timpjega inġiniera u ħaddiema oħra Maltin.
Preżentament, din il-kumpanija qed tistudja l-użu ta’ sistemi bħal drones u sistemi ta’ trasport fl-ajru tal-futur fi proġett magħruf bħala BAT, b’investiment ta’ iktar minn €8 miljun.
Il-Prim Ministru qal li b’dan l-investiment, Malta qed tpoġġi isimha ma’ proġett importanti li fih sħubija ma’ kumpanija bħal Airbus. Qal li jekk Malta trid tkompli tiżviluppa dan is-settur trid tħares lejn ġirien u toħloq sinerġiji magħhom għal proġetti internazzjonali.
Kompla jgħid li Malta qed tħares li tkompli tkabbar is-settur tal-avjazzjoni billi tikkunsidra niċeċ ġodda bħall-industrija tad-drones u ajruplani b’pilotaġġ awtomatiku kif ukoll f’riċerka u fi żvilupp fil-qasam tal-avjazzjoni.
Fakkar li Malta tospita l-ikbar kumpanija tal-avjazzjoni fid-dinja primarjament għall-manutenzjoni tal-ajruplani tagħhom, apparti li qed tinvesti wkoll f’riċerka u fi żvilupp, leasing ta’ ajruplani u navigabilità fl-ajru, inkluż fit-trasport tal-merċa.
Temm jisħaq li hu kburi bl-involviment ta’ inġiniera Maltin f’dan il-proġett u qal li Malta hi fit-triq it-tajba li timxi ’l quddiem fuq riċerka u żvilupp.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u l-Industrija Frank Farrugia u mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea.