Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkiritika lil dawk il-banek li jirrifjutaw li jiftħu kontijiet lin-negozji barranin.
Waqt it-tnedija tal-“Viżjoni 2021” tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, il-Prim Ministru insista li filwaqt li l-banek jeħtieġ ikunu prudenti fid-deċiżjonijiet li jieħdu, importanti li jkunu wkoll proattivi.
Kompla jisħaq li fid-dawl tat-tkabbir ekonomiku li qed tara, Malta jeħtieġ li jkollha aktar banek li joffru alternattivi għall-konsumaturi u servizzi aktar effiċjenti.
Muscat laqa’ din l-istrateġija l-ġdida tal-MFSA li l-għan tagħha huwa li tipprepara lilha nnifisha għas-settur finanzjarju tal-futur u dan billi l-ewwel u qabel tirriforma ruħha, iżżid it-taħriġ għall-impjegati tagħha u tinvesti fl-aħħar teknoloġija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Joseph Cuschieri, qal li wasal iż-żmien li l-MFSA tevolvi, timmodernizza lilha nnifisha u tħares ‘il quddiem bil-għan li toqrob dejjem lejn l-istandards Ewropej tas-sorveljanza.
L-istrateġija l-ġdida toffri programm ambizzjuż iffukat fuq l-innovazzjoni, l-investiment fil-FinTech u r-RegTech, l-immodernizzar tas-superviżjoni u l-iżvilupp teknoloġiku.
Fil-fatt, fil-jiem li ġejjin, se tkun qed titħabbar struttura organizzativa ġdida għall-MFSA.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri, saħaq li hemm pjanijiet biex ikun żviluppat korp konsulattiv li jġib flimkien lill-MFSA, lill-Gvern u lil dawk kollha li jaħdmu fis-settur, bil-għan li jiddiskutu l-isfidi li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom fil-futur.
Dan l-istess korp konsultattiv għandu jfassal strateġija ta’ għaxar snin għall-monitoraġġ tas-servizzi finanzjarji.