L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta bhala A+ ‘stable’. Fir-rapport tagħhom, l-esperti ta’ Fitch Ratings jgħidu li l-andament tal-finanzi ta’ pajjiżna kien aħjar minn dak f’pajjiżi bl-istess rating.
Dawn l-esperti internazzjonali qed ibassru li, fis-sentejn li ġejjin, il-Gvern Malti ser jibqa’ jirreġistra surplus ta’ qrib il-1% tal-ġid nazzjonali.
Il-Gvern fi stqarrija fakkar illi dan ser jinkiseb mingħajr dipendenza fuq id-dħul mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Minkejja ż-żieda antiċipata fuq proġetti kapitali, Fitch Ratings tgħid li sa għaxar snin oħra, il-piż tad-dejn nazzjonali ser ikun naqas għal inqas minn 27%, iġifieri ferm aktar minn nofs il-piż li kien hemm fl-2012.
Minkejja l-prospetti xejn sbieħ fl-ekonomiji ta’ madwarna, l-ekonomisti ta’ Fitch Ratings qed ibassru tkabbir ekonomiku f’Malta ta’ aktar minn 5% għal din is-sena.
Il-Gvern temm jgħid li din l-analiżi pożittiva ta’ Fitch Ratings tikkonferma l-fiduċja li teżisti f’pajjiżna. "Dan is-suċċess qed iwassal għal aktar interess f’Malta minn investituri barranin, u b’hekk, għal ekonomija aktar b’saħħitha għall-ġid tal-familji u n-negozji ta’ pajjiżna."