‘Il-monitoraġġ ma għandux isir biss qabel wieħed jidħol fil-Korp’ - Sandro Camilleri

L-Ispettur Sandro Camilleri jisħaq mal-ILLUM li min dieħel fil-Korp irid jifhem li se jkollu jċedi ħafna mid-drittijiet tiegħu u għalhekk il-paga għandha tirrifletti d-delikatezza ta’ dan l-irwol

Il-President tal-Police Officers Union, l-Ispettur Sandro Camilleri, saħaq mal-gazzetta ILLUM dwar l-importanza li jkun hemm monitoraġġ kontinwu fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija għax fi kliemu, il-pulizija għandhom ikunu l-mera tas-soċjetà.

Huwa qal dan wara li nhar l-Erbgħa li għadda, il-gazzetta ILLUM żvelat kif kuntistabbli ta’ 21 sena ġie arrestat fl-istadium ta’ Għawdex wara li nqabad bid-droga kokaina. Skont is-sorsi tal-ILLUM, il-Pulizija kienet ilha jiem tosserva lil dan iż-żagħżugħ.

B’reazzjoni, l-Ispettur Camilleri saħaq li dan il-każ juri kemm il-Pulizija hija effettiva għax kapaċi wkoll tnaddaf lilha nnifisha minn ġewwa, xi ħaġa li fi kliemu l-ebda entità oħra fil-pajjiż ma tagħmel.

Iżda jibqa’ l-fatt li każ wieħed bħal dan jispiċċa biex itappan ir-reputazzjoni tal-Korp. Fi kliem l-Ispettur Camilleri, dan bħal meta għalliem jew qassis jinqabad jabbuża mit-tfal.

“Kemm hemm saċerdoti u għalliema tajbin? Imma l-każ ta’ dak il-wieħed jissemma,” saħaq l-Ispettur. “F’korp ta’ 1,200, tagħmel kemm tagħmel tajjeb, dejjem se ssib il-ħażin kif issib kullimkien. Iżda trid tkun kapaċi ttajjar lit-tuffieħa l-ħażina.”

‘Biex tkun pulizija għandu jkollok il-kondotta kristall’

Kien għalhekk li mal-gazzetta ILLUM, Sandro Camilleri insista li jeħtieġ li jkun hemm monitoraġġ fuq dawk li jidħlu fil-Korp tal-Pulizija iżda kompla li dan il-monitoraġġ jeħtieġ li jibqa’ għaddej, għax fi kliemu, is-sitwazzjoni tal-ħajja tal-individwu tinbidel kontinwament.

Dwar il-każ ta’ dan iż-żagħżugħ, li kien ilu madwar sentejn iservi fil-Korp, l-Ispettur Camilleri saħaq li bla dubju l-ewwel ħaġa li wieħed jistaqsi huwa fejn kien il-monitoraġġ.

“Mhu qed ngħid xejn ta’ barra minn hawn. Il-monitoraġġ kontinwu għandu jsir f’kull entità tal-pajjiż, inkluż il-politika,” kompla Camilleri waqt li insista li dan jibqa’ jgħodd ħafna aktar għall-pulizija minħabba l-irwol li għandhom.

Insista li anke jekk dan jitfa’ piż fuq il-Korp, fid-dawl tal-fatt li naqsu l-ammont ta’ persuni li japplikaw biex isiru pulizija, l-enfasi għandu jkun dejjem fuq il-monitoraġġ u d-dixxiplina kontinwa.

“Il-kwalità ħafna aktar importanti mill-kwantità…Ħafna ma jistgħux jifhmu li l-Pulizija hija waħda mill-pilastri tas-soċjetà,” kompla l-Ispettur. “Jiena nibqa’ ninsisti li biex tidħol fil-Korp u biex tkun pulizija għandu jkollok il-kondotta nadifa kristall.”

‘Ninsisti li jsiru testijiet għall-għarrieda għad-droga’

Fost dawn, fakkar fl-appell li għamel diversi drabi, biex il-Pulizija jkunu ttestjati wkoll għad-droga, test li fi kliemu għandu jsir għall-għarrieda u r-riżultat joħroġ dak il-ħin stess.

“Ma jagħmilx sens li tagħti kampjun tal-awrina u r-riżultat joħroġ ġimgħa wara. It-test għandu jsir għall-għarrieda u r-riżultat joħroġ dak il-ħin,” saħaq l-Ispettur Camilleri. “Mhux xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Uffiċjal tal-Pulizija għandu ċertu responsabbiltajiet u ma għandu jkun hemm l-ebda dubju.”

Forsi ftit jafu, imma mal-Ispettur Camilleri tkellimna dwar il-fatt li l-Pulizija diġà jitolbu permess biex isiefru, biex jagħmlu part-time u saħansitra anke biex jiżżewġu.

‘Il-paga tal-Pulizija għandha tirrifletti d-delikatezza tax-xogħol’

Iżda staqsejna lill-Ispettur jekk jaħsibx li dan imur kontra d-dritt tal-privatezza tal-individwu, b’Camilleri dlonk iwieġeb li filwaqt li nitkellmu ħafna dwar id-drittijiet qed ninsew li jeżistu wkoll id-doveri.

“Meta individwu jidħol fil-Korp, irid jifhem li qed iċedi ħafna mid-drittijiet tiegħu,” saħaq l-Ispettur u kien hawn li insista li dan għandu jkun rifless fil-paga tal-Pulizija.

Mal-ILLUM, Camilleri spjega għalfejn ma jaqbilx meta l-Pulizija jitpoġġew fuq l-istess livell ta’ forzi ta’ ordni oħra. Anke jekk kollha kemm huma importanti, fi kliemu l-irwol tal-Pulizija huwa uniku u ma jista’ qatt jitpoġġa fuq l-istess livell ta’ entitajiet oħra.

“Meta tkun pulizija kważi kważi ma tista’ tmur imkien. Għandek doveri kbar u l-paga jeħtieġ li tkun tirrifletti d-delikatezza tal-irwol li għandu l-Pulizija,” kompla l-Ispettur.

‘Monitoraġġ kontinwu: mid-dħul sal-ħbieb’

Fil-fatt, l-Ispettur Camilleri saħaq li apparti dawk imsemmija hawn fuq, għandu jkun hemm aktar monitoraġġ fuq il-Pulizija.

“Ġieli ħriġt barra u staqsejt kif persuna li għandha ċertu paga jew għad għandha xi 18-il sena, issuqlek xi karozza lussuża?” staqsa l-Ispettur. “Nemmen li l-monitoraġġ għandu jkun anke fuq id-dħul tal-individwu, minn fejn qed iġib il-flus jew inkella ma’ min qed jagħmilha,” kompla jisħaq. “Meta wieħed isir pulizija jrid ikun lest il-ħin kollu biex juri l-purezza tiegħu. Ma jistax ikun hemm dubji.”

Hawn wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li ħafna żgħażagħ jiddeċiedu li jidħlu fil-Korp tal-Pulizija biex sempliċiment ikollhom impjieg, mingħajr ma jifhmu verament għal xiex deħlin.

Kien għalhekk li temm jappella lil dawk li jixtiequ jissieħbu fil-Korp biex jifhmu li l-irwol tal-pulizija mhuwiex sempliċiment impjieg iżda vokazzjoni li trid tgħixha kontinwament.

Xi żvelat il-gazzetta ILLUM?

  • Pulizija żagħżugħ ta’ 21 sena arrestat bħal-lum ġimgħa waqt logħba futbol bejn ix-Xewkija Tigers u n-Nadur Youngsters
  • Il-Pulizija kienet ilha jiem issegwi l-passi ta’ dan iż-żagħżugħ
  • Iż-żagħżugħ tħalla jidħol it-toilet u ġie arrestat malli ħareġ hekk kif allegatament instab fil-pussess tad-droga kokaina
  • Skont sorsi, iż-żagħżugħ beda jirreżisti l-arrest
  • Fil-karozza taż-żagħżugħ tinstab aktar droga bit-tfittxija tkompli wkoll fir-residenza taż-żagħżugħ u fi stabbiliment tal-familja
  • Iż-żagħżugħ irriżenja mill-Korp immedjatament
  • Il-Pulizija għadha għaddejja b’investigazzjonijiet oħra dwar dan il-każ

More in Politika