'Din id-deċiżjoni se thedded is-sbuħija naturali tad-Dwejra'

L-FAA tressaq appell kontra d-deċiżjoni li tiġi kummerċjalizzata iż-żona tad-Dwejra f'Għawdex

San Lawrenz, Għawdex
San Lawrenz, Għawdex

L-NGO ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) ressqet appell kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta' 'boathouse' madwar id-daħla tad-Dwejra f'San Lawrenz, Għawdex.

L-FAA ddeskrivit din id-deċiżjoni bħala, 'bla preċedent' u skonthom "il-permess ta' attività kummerċjali fi ħdanha se jhedded is-sbuħija naturali ta' din iż-żona protetta."

Is-sit huwa kklassifikat bħala żona b'valur għoli tal-pajsaġġ u jaqa wkoll fis-sit ta' San Lawrenz Natura 2000.

Fl-istadju ta' konsulenza l-ERA kienet iddikjarat li l-iżvilupp kien ta' tħassib ambjentali filwaqt li kienet hi stess li qalet, "kieku din l-applikazzjoni tiġi approvata, din toħloq skuża għal aktar interventi fuq il-post inkluż; żviluppi ta' ħwienet u ristoranti."

"It-tħassib tal-ERA ġie kompletament injorat mill-Kummissjoni ta’ l-Ippjanar," qalet l-FAA.

L-Għaqda ambjentali nnutat ukoll li din id-deċiżjoni tmur kontra l-pożizzjoni preċedenti tal-Awtorità tal-Ippjanar meta kienet opponiet applikazzjoni simili f'Ħondoq, Għawdex, "Il-FAA ssostni li l-istess loġika kellha tiġi applikata wkoll f'dan il-każ."

 

More in Politika