Fi stqarrija l-Federazzjoni Maltija għall-Prodotti tal-Akwakultura (FMAP) għamlet referenza għall-istejjer u l-istqarrijiet maħruġa llum dwar l-investigazzjonijiet li qed tagħmel il-Pulizija Spanjola b’rabta mal-skandlu ta’ tonn illegali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Charlon Gouder qal li dak li s'issa ġie rappurtat "huwa tat-tħassib."
Huwa tenna li, "filwaqt li kulħadd għandu jibqa' jiġi meqjus innoċenti sakemm provat mod ieħor hemm bżonn biex malajr kemm jista’ jkun jittieħdu l-passi neċessarji sabiex tiġi restawrata r-reputazzjoni tal-industrija."
Madanakollu Gouder appella biex l-evidenza għandha kemm jista' jkun tiġi preservata għal kull ħtieġa u eventwalità.
Skont l-istqarrija, "il-Federazzjoni min-naħa tagħha ser tkompli ssegwi dak li qed isir ġewwa Spanja anke permezz tal-avukati tagħha appuntati prinċiparjament biex isegwi mill-qrib il-proċess ġudizzjarju."
Fl-aħħar nett huwa saħaq li, "il-Federazzjoni tinnota b’sodisfazzjon il-passi li ħa l-Gvern biex jirrestawra l-ħsara li qed isir internazzjonalment fuq l-industrija tal-akwakultura f’pajjiżna."